Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“Li tkun transġender mhix disturb mentali” – Roberta Metsola

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Hi u tiddefendi d-drittijiet tal-LBGTI+, il-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola sostniet li l-identità tal-ġeneru m’għandiex tkun klassifikata bħala disturb mentali.

“Fl-aħħar snin imxejna ħafna ‘l quddiem, bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tmexxi l-proċess, iżda d-drittijiet tal-LGBTI+ xorta waħda mhux protetti bl-istess mod fl-Unjoni Ewropea,” qalet fi stqarrija l-MEP Metsola, li ngħaqdet ma’ sejħiet fost partiti differenti biex isir dibattitu dwar dan fil-Parlament Ewropew.

“Għadni niltaqa’ ma’ wisq nies li jagħmlu kuntatt miegħi bi stejjer ta’ qsim il-qalb dwar diskriminazzjoni u anke vjolenza. Dan mhux aċċettabbli, u l-UE għandha bżonn protezzjoni kompressiva kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali u karatteristiċi ta’ sess. L-isterilizzazzjoni hu rekwiżit għar-rikonoxximent tal-ġeneru legali fi tmien pajjiżi, waqt li 18 l-Istat Membru jirrikjedu dijanjosi tas-saħħa mentali. Kapaċi nagħmlu ferm aħjar minn hekk,” qalet l-MEP Metsola li hi Membru tal-InterGroup tal-LGBTI fil-Parlament Ewropew.

F’rapport addottat fl-4 ta’ Frar 2014, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex taħdem fuq qafas ta’ politika multiannwali li jipproteġi d-drittijiet fundamentali tan-nies LGBTI. Roberta Metsola kienet innegozjat dan ir-rapport f’isem il-PPE.

Dan is-suġġett mistenni jkun dibattut fil-Parlament Ewropew fil-ġimgħat li ġejjin.