Futbol Sport

Prezzijiet vantaġġjużi fir-raba’ edizzjoni tal-Goal Card

Ir-raba’ edizzjoni tal-Goal Card se tkun qed toffri l-aktar prezzijiet vantaġġjużi minn kemm ilha li tnediet fl-2012, hekk kif din is-sena, it-tim nazzjonali Malti se jilgħab il-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tas-sena d-dieħla. It-tim Malti se jiftaħ l-impenji tiegħu fil-grupp f’Marzu b’żewġ logħbiet fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali kontra l-Gżejjer Faroe u Spanja fit-23 u s-26 ta’ Marzu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti qal li din se tkun l-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni għalih u b’hekk toffri sfida mill-aspett loġistiku. Chetcuti ħabbar li fost l-inizjattivi, għal kontra l-Gżejjer Faroe d-dħul fil-Millenium Stand se jkun mingħajr ħlas.

Dillon Mercieca li ftit xhur ilu ħa t-tmexxija tas-South End Core wera l-kuntentizza tiegħu li ntlaqgħu xi proposti li għamlu huma stess. Hu żied li bħalissa qed jieħdu diversi inizjattivi biex iġeddu l-istrixxuni tagħhom filwaqt li ħabbar li jinsabu f’taħdidiet ma’ diversi kumpaniji biex ikollhom aktar affarijiet biex jagħmlu l-brijju, hekk kif dan il-grupp jaħdem fuq bażi volontarja.

Il-Kap tal-Marketing tal-MFA Norman Saliba ta d-dettalji dwar il-prezzijiet u l-loġistika b’rabta mal-bejgħ li jintemm fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, bil-format ta’ kif wieħed jaqta’ l-biljetti se jinżamm l-istess bħas-snin preċedenti. Dawk interessati jistgħu japplikaw għal Goal Card minn fuq is-sit elettroniku www.mfa.com.mt jew imorru fl-uffiċini tal-MFA fil-Millenium Stand f’Ta’ Qali bejn id-9.00am u l-5.30pm.

Minbarra l-ewwel żewġ logħbiet, it-tim Malti jilgħab fi Grupp F f’pajjiżna fl-10 ta’ Ġunju kontra r-Rumanija, fit-12 ta’ Ottubru kontra l-Iżvezja u fit-18 ta’ Novembru kontra n-Norveġja.

Il-prezz totali għal min jattendi għall-partiti kollha fil-West C se jkun ta’ €110, iżda min japplika għal Goal Card se jħallas €70 biss. Minbarra l-iskont, dawk li fil-passat abbonaw għal Goal Card, jibbenefikaw minn skont ta’ 10%. Il-prezzijiet għal dawk li jixtru fil-Millenium Stand hu ta’ €35 filwaqt li dawk li jixtru l-Goal Card fis-South Stand hu €25.

Il-prezzijiet tal-ħames partiti

                                West C       Millenium Stand        North/South Stand

Spanja                      €30                      €15                                €10

Żvezja                       €20                      €10                                €8

Norveġja                  €20                      €10                                €8

Rumanija                €20                       €10                               €8

Gżejjer Faroe          €20

Total                      €110                  €45                             €34

Il-prezzijiet tal-Goal Card

                                West C       Millenium Stand        North/South Stand

Adulti                       €70                      €35                                €25