Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, aktar kmieni din il-ġimgħa, kien parti minn delegazzjoni tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew li żert il-Headquarters tal-Unjoni tal-Mediterran f’Barċellona. Waqt din iż-żjara, d-delegazzjoni bagħtet messaġġ b’saħħtu għal appoġġ lejn il-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran.
F’kumment lil netnews.com.mt dwar din iż-żjara, l-MEP Zammit Dimech qal “Għalina l-Maltin, r-reġjun tal-Mediterran hu ta’ importanza kbira u għalhekk din iż-żjara kienet importanti għaliex rajna kif il-Parlament Ewropew jista’ jaħdem aktar fil-qrib mal-Unjoni tal-Mediterran permezz ta’ inizjattivi differenti. Il-Mediterran għandu l-isfidi speċifiċi tiegħu, u għalhekk, is-soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi għandhom ikunu speċifiċi wkoll. B’mod partikolari, dwar l-immigrazzjoni, hemm bżonn naħdmu ma’ partners fil-Mediterran biex nindirizzaw dak li qed jikkawża l-immigrazzjoni fir-reġjun, b’mod partikolari mill-Afrika lejn l-Ewropa.”
Minbarra l-MEP Zammit Dimech, id-delegazzjoni kienet magħmula mid-Deputat Chairman tal-Grupp tal-PPE Andrey Kovatchev, u l-MEP Santiago Fisas Ayxela. Id-delegazzjoni ltaqgħet mas-Segretarju Ġenerali Nasser Kamel u rappreżentanti oħrajn, u studjat modi ta’ kif jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet. Iddiskutiet ukoll u offriet appoġġ dwar proġetti speċifiċi u inizjattivi fil-Parlament Ewropew bil-għan li tissaħħa l-istabbilità, l-iżvilupp tal-bniedem u l-integrazzjoni reġjonali fir-reġjun tal-Mediterran.
Id-delegazzjoni kellha wkoll l-opportunità li taqsam il-ħsibijiet ma’ stakeholders tal-Unjoni tal-Mediterran, bħal PRIMA, fondazzjoni li tinvesti fir-riċerkja u l-innovazzjoni f’pajjiżi fin-naħa ta’ isfel tal-Mediterran, kif ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Kmamar tal-Kummerċ u l-Industrija tal-Mediterran.
//= $special ?>