Ambjent Lokali

BirdLife Malta u Nature Trust-FEE Malta jiċċelebraw il-Jum Dinji għall-Għadajjar

Iż-żewġ eNGOs iqajmu kuxjenza dwar il-ħabitati prezzjużi li jipprovdu l-għadajjar fil-Gżejjer Maltin

Illum BirdLife Malta u Nature Trust-FEE Malta qed jingħaqdu biex jikkommemoraw il-Jum Dinji għall-Għadajjar (World Wetlands Day), ġurnata internazzjonali li taħbat kull sena bħal-lum u tfakkar meta ġiet adottata l-Konvenzjoni Ramsar dwar l-Għadajjar fit2 ta’ Frar 1971.

Din il-ġurnata twaqqfet biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-għadajjar għallbnedmin u għad-dinja. L-ewwel darba li ġiet iċċelebrata kien fl-1997 u minn dakinhar ’l hawn kompliet tikber fil-popolarità madwar id-dinja. Il-Konvenzjoni kienet ġiet adottata fil-belt ta’ Ramsar fl-Iran, biswit il-kosta tal-Baħar Kaspju. It-tema magħżula għal din is-sena hija “L-Għadajjar u t-Tibdil fil-Klima”. L-għadajjar huma meqjusin bħala dawk il-postijiet fl-ambjent kemm naturali kif ukoll urban li huma f’kuntatt regolari ma’ volumi sinifikanti ta’ ilma.

Filwaqt li jipprovdu spazju fejn jgħixu eluf ta’ speċi ta’ pjanti, insetti, għasafar, mammiferi u ħut madwar id-dinja; dawn l-għadajjar jipprovdu wkoll servizz importanti lill-bniedem u lill-ambjent. Globalment l-għadajjar jipprovdu wkoll ħabitat għal diversi speċi rari ħafna u huma importanti b’mod partikolari għall-għasafar, speċjalment waqt il-passa tar-rebbiegħa u l-ħarifa. Dan għaliex fihom isibu kenn imma wkoll jipprovdulhom ilma u jservu bħala sors ta’ ikel permezz ta’ insetti u alga li jikbru f’dawn il-postijiet biss. Il-ħuta endemika ta’ Malta, il-Bużaqq (Aphanius fascatius, Maltese Killifish bl-Ingliż) tikber biss f’dan it-tip ta’ ħabitat. Apparti f’dawn ir-riservi kienet ukoll tgħix fil-port tal-Marsa minn fejn, imma, illum inqerdet minħabba xogħlijiet infrastrutturali li saru.

Minkejja li ħabitat bħal dan f’Malta huwa ferm skars, kemm Nature Trust-FEE Malta kif ukoll BirdLife Malta jieħdu ħsieb numru ta’ riservi bħal dawn bejniethom li huma l-Ballut ta’ Marsaxlokk u l-Magħluq ta’ Marsaskala mmexxija minn Nature TrustFEE Malta, u r-Riservi Naturali tas-Salina, is-Simar u l-Għadira li huma mmexxija minn BirdLife Malta. Bil-ħidma tagħhom dawn iż-żewġ għaqdiet ambjentali qegħdin jiżguraw il-ħarsien u l-konservazzjoni ta’ dawn is-siti importanti.

Fl-okkażjoni ta’ dan il-jum, iż-żewg għaqdiet ikkummentaw: “Malta għandha numru limitat ta’ għadajjar li hu meħtieġ li jiġu mħarsa. Kemm BirdLife Malta kif ukoll Nature Trust-FEE Malta qegħdin jaħdmu bi hġarhom biex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ dawn lgħadajjar u b’hekk itejbu l-vantaġġi li dawn joffru lill-bniedem u lin-natura. Imma minkejja x-xogħol li qed isir f’dawn ir-riservi; l-effetti tal-iżvilupp bla rażan, tattgħawwir tal-kosta, tar-rimi tal-iskart illegali, tal-kaċċa illegali u tat-tibdil fil-klima xorta jinħassu u għandhom effetti fuq il-kwalità ta’ dawn ir-riservi. Għalhekk hemm bżonn li jsir sforz ikbar għall-ħarsien ta’ dawn il-postijiet.

Minbarra l-importanza ambjentali tagħhom, dawn ir-riservi huma importanti għallbniedem għax jassorbu l-ilma tax-xita, inaqqsu l-effetti tal-għargħar u jipprovdu servizzi oħrajn b’xejn – l-hekk imsejħa servizzi tal-ekosistema.”

Riservi bħal dawk immexxija minn BirdLife Malta huma miftuħin għall-pubbliku biex igawdihom. Matul is-Sibtijiet u l-Ħdud fix-xitwa wieħed jista’ jżur ir-Riservi Naturali tas-Simar u l-Għadira, filwaqt li r-Riserva Naturali tas-Salina tkun miftuħa 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Wieħed jista’ jżur dawn ir-riservi b’xejn u m’hemmx għalfejn javża minn qabel.

Ir-riservi tal-Magħluq ta’ Marsaskala u l-Ballut ta’ Marsaxlokk ukoll huma miftuħin għall-pubbliku kuljum. Wieħed jista’ jaqbad u jmur igawdi l-ambjent uniku li dawn joffru fi xħin irid. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex iżomm mal-mogħdijiet li hemm f’dawn il-postijiet. Ix-xogħol ta’ konservazzjoni f’dawn iż-żewġ riservi beda f’Ottubru, meta ġew mgħoddija f’idejn Nature Trust-FEE Malta u għalhekk għadu fi stadju bikri.