Lokali

Franco Debono jiddikjara li Joseph Muscat hu l-aktar politiku korrott fl-istorja ta’ pajjiżna

Dikjarazzjoni mill-iżjed serja mill-Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono

Il-Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono li kien appuntat f’din il-kariga minn Joseph Muscat innifsu malli rebaħ il-Gvern fl-2013, ħareġ jiddikjara li Joseph Muscat hu l-aktar politiku korrott fl-istorja ta’ pajjiżna.

Il-Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono qal dan fil-blog tiegħu fejn ta’ sikwit jikkummenta dwar il-qagħda politika f’pajjiżna.

Fi blog qasir ħafna ta’ ftit linji, l-Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono, fisser li fis-siegħat li ġejjin se jkompli jiżvela iżjed biex isostni d-dikjarazzjoni tiegħu li Joseph Muscat hu l-iżjed politiku korrot fl-istorja ta’ pajjiżna.

Sadattant, konsegwenza tal-gravita tad-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Liġijiet, tant daħlu nies biex jaqraw il-blog tiegħu li l-website ċediet u waqgħet bit-traffikku kbir li ġġenerat f’daqqa.

Ftit wara li ħareġ dan il-blog, il-Kummissarju tal-Liġijiet kiteb fuq Facebook illi ma jafx x’ġara fil-website tiegħu, għaliex għamlet xi ħin mhux aċċessibbli.

Il-Kummissarju tal-Liġijiet qal illi Muscat l-ewwel għamel ħiltu kollha biex ma jiġux investigati dawk ta’ madwaru mbagħad lbieraħ kellu l-wiċċ jiġi jgħid li l-allegazjonijiet ma ġewx pruvati fil-Qorti. “Mhux bilfors ma jigux pruvati jekk Joseph Muscat u sħabu għamlu minn kollox biex l-investigazzjonijiet ma jsirux!”

Franco Debono inħatar Kummissarju tal-Liġijiet f’Marzu 2013, ftit tal-jiem biss wara li Joseph Muscat rebaħ l-elezzjoni ġenerali.