Sport Sport Ieħor

Hannah Pace ttemm it-tieni fl-Ironman 70.3 li saret f’Dubai

It-triatleta Hannah Pace spiċċat fit-tieni post fit-tellieqa Ironman 70.3 li saret f’Dubai fil-kategorija bejn il-25 u d-29 sena, b’Pace tikkompeti ma’ 35 atleta oħra. Din kienet il-ħames darba li Pace ħadet sehem f’din it-tellieqa iebsa li tikkonsisti f’għawma ta’ 1.9 kilometru, rotta ta’ 90 kilometru u nofs maratona.

It-tellieqa bdiet bl-għawma fil-baħar ta’ Jumeirah Public Beach, b’Hannah Pace tkun it-tielet mara li ħarġet mill-ilma f’ħin ta’ 28 minuta u 59 sekonda. Pace għamlet iż-żewġ dawriet ta’ 45 kilometru fil-qalba tal-belt qabel ħarġet lejn id-deżert f’sagħtejn, 29 minuta u 37 sekonda.

Is-sħana b’temperatura ta’ 30 grad ħalliet effett fuq l-atleti kollha. Pace spiċċat it-tellieqa f’ħin totali ta’ 4 sigħat 49 minuta u 44 sekonda. Il-parteċipazzjoni ta’ Pace kien possibbli bl-appoġġ ta’ Garmin Malta, Eurosport Malta, il-Kumitat Olimpiku Malti, Triathlon Malta u Team Barry.

Wara t-tellieqa, Hannah Pace qal li din it-tellieqa waslet mhux fl-istaġun tagħha u kellha tipprepara fil-kundizzjonijiet tax-xitwa ta’ pajjiżna. Għalhekk is-sħana ta’ Dubai kienet xokk għaliha, iżda saħqet li tinstab sodisfatta bil-prestazzjoni tagħha.