Lokali

Issa huwa l-mument li nkomplu nsaħħu d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, li se jiġi ċċelebrat għada f’pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-partit politiċi u l-imsieħba soċjali biex issa li huwa ċar li f’pajjiżna m’hemmx lok għall-abort, jinbeda proċess biex id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf ikunu aktar rikonoxxuti, protetti u msaħħa fil-liġijiet ta’ pajjiżna. Sostna dan fi stqarrija l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf, Claudio Grech.

L-Oppożizzjoni temmen li f’soċjetà moderna, l-avvanz u l-progress għandhom jirriflettu ruħhom fit-tisħiħ tad-drittijiet ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli u għalhekk irridu nkomplu nsaħħu d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf u nagħtuha kull protezzjoni possibbli legalment u materjalment.

Hemm bżonn ukoll li f’din il-materja tiddaħħal doża qawwija ta’ empatija u jitwarrab kull forma ta’ preġudizzju sabiex dawk l-ommijiet li jagħżlu li jibqgħu jagħtu l-protezzjoni u l-għożża lit-tarbija fil-ġuf tagħhom minkejja ċirkustanzi diffiċli li jkunu fihom, jingħataw kull appoġġ meħtieġ u mhux jitwarrbu jew jiġu injorati mis-soċjeta’.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jmexxi ‘il quddiem politika li mhux biss tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf iżda li tagħmel minn pajjiżna mudell tal-Unjoni Ewropea fejn it-tarbija fil-ġuf tingħata r-rispett u d-dinjità li jixirqilha. Din hija l-politika ta’ konvinzjoni mibnija fuq it-tama li ġġib magħha l-ħajja u li tagħmilna kburina li aħna Maltin u li ngħożżu l-valuri li dejjem iddistingwewna u sawwru s-soċjeta’ tagħna, f’soċjetà li jimpurtaha.