Rugby Sport

L-Ingilterra tirbaħ id-dwell dirett kontra l-Irlanda

(Ritratt: Six Nations Rugby)

L-Ingilterra fetħet is-Six Nations bl-aħjar mod possibbli hekk kif għelbet lir-rebbieħa tas-sena l-oħra l-Irlanda 32-20 biex kisbet ukoll punt żejjed. Għat-tim Irlandiż din kienet l-ewwel telfa f’darhom fis-Six Nations minn meta kienu megħluba mit-tim Ingliż fl-2013. L-Ingliżi kellhom bidu tajjeb fil-logħba li ntlagħbet fl-Aviva Stadium u għamlu l-ewwel try wara 90 sekonda minn Jonny May.

L-Ingliżi daħlu jistrieħu 17-10 u wara li penalty ta’ Jonny Sexton naqqas id-distakk għal erba’ punti, kien it-try ta’ Henry Slade fil-65 minuta li tefa’ l-logħba fid-direzzjoni ta’ rebħa Ingliża. Penalty ta’ Owen Farrell għamel l-iskor 25-13, biex it-tieni try fil-logħba ta’ Slade u l-conversion ta’ Farrell issiġillaw ir-rebħa. L-Irlanda naqqsu d-distakk lejn it-tmiem bi try ta’ Cooney u conversion ta’ Sexton.

Tripletta ta’ Blair Kinghorn assigurat rebħa għall-Iskozja li f’Murrayfield għelbu lit-tim nazzjonali Taljan 33-20. L-Iskoċċiżi rkupraw mill-vantaġġ kmieni tat-Taljani wara penalty ta’ Allan u b’żewġ tries ta’ Kinghorn u conversion ta’ Greig Laidlaw daħlu jistrieħu 12-3 minn fuq.

Huma għamlu ċert mir-rebħa sa nofs it-tieni taqsima bi tries ta’ Stuart Hogg, Blair Kinghorn u Chris Harris biex permezz tal-conversions minn Laidlaw u Russell ħadu vantaġġ komdu ta’ 33-3. Wara li Simon Berghan intbagħat f’sin bin għall-Iskozja, it-tim Taljan għamel l-iskor rispettabbli bi tliet tries fl-aħħar għaxar minuti ta’ Guglielmo Palazzani, Edoardo Padovani u Angelo Esposito u conversion ta’ Allan u naqqsu d-distakk għal 33-20.

Ilbieraħ, Wales wettqu rimonta mill-aqwa fit-tieni taqsima biex rebħu 24-19 kontra Franza fi Stade de France. It-tim ta’ Warren Gatland kien 16-0 minn taħt fi tmiem l-ewwel taqsima, iżda dawru r-riżultat, bit-try ta’ George North fit-72 minuta jkun deċiżiv.

Riżultati: Franza v Wales 19-24 , Skozja v Italja 33-20 , Irlanda v Ingilterra 20-32

Logħob li jmiss: Is-Sibt 9 ta’ Frar: Skozja v Irlanda 3.15pm , Italja v Wales 5.45pm , Il-Ħadd 10 ta’ Frar: Ingilterra v Franza 4.00pm