Futbol Sport

Malta ttemm il-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-futsal b’telfa kontra l-Armenja

It-tim nazzjonali Malti tal-futsal temm l-impenji tiegħu fi Grupp E mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja b’telfa ta’ 3-1 kontra l-Armenja. B’hekk it-tim Malti għalaq il-grupp bi tliet telfiet, wara li aktar kmieni fil-ġimgħa huma kienu megħluba mill-Iżvezja u l-Belġju.

L-avversarji tal-plejers Maltin hu bbażat fuq il-fiżiċità u dan għamilha diffiċli li t-tim jirkupra l-iżvantaġġ doppju kmieni fil-logħba. L-Armenja marret 2-0 minn fuq fl-ewwel sitt minuti permezz ta’ Saro Galstyan u Sargis Margaryan. It-tim ta’ Vic Hermans naqqas id-distakk permezz tal-plejer ta’ Luxol Andy Mangion fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima.

Wara dan il-gowl, it-tim Malti żied l-isforzi tiegħu biex isalva r-riżultat iżda l-plejers Maltin ma kinux konċentrati biżżejjed biex jieħdu vantaġġ minn sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi. It-tamiet ta’ Malta komplew jonqsu meta Edvard Mkrtchyan għamel l-iskor 3-1 f’nofs it-tieni taqsima. Fl-aħħar minuti, Vic Hermans għażel li juża lil Matthew Attard bħala flying keeper iżda l-Armenja ddefendew tajjeb il-pressjoni tat-tim Malti.

Tags