It-telfa fost il-ġimgħa kontra Newcastle, kienet meqjusa bħala doċċa kiesħa fl-aspirazzjonijiet ta’ Manchester City li jerġgħu jirbħu l-kampjonat għat-tieni staġun konsekuttiv. Fortunatament għalihom, Liverpool naqsu li jirbħu u d-draw tagħhom fisser li d-distakk bejn it-tnejn hu ta’ ħames punti.
Għalkemm ħadd ma jista’ jwaqqa’ punti, Manchester City għandhom konfront diffiċli biex jirritornaw għar-rebħ b’konfront kontra Arsenal. B’hekk huma qed ifittxu l-ħames rebħa mill-aħħar sitt logħbiet filwaqt li l-Gunners jistgħu jirbħu r-raba’ logħba fl-aħħar ħames logħbiet.
Il-manager Pep Guardiola għandu lil Benjamin Mendy u Ederson dubjużi filwaqt li Vincent Kompany se jitlef il-konfront. Il-manager ta’ Arsenal Unai Emery għandu lil Laurent Koscielny, Ainsley Maitland-Niles u Henrikh Mkhitaryan dubjużi, bl-akkwist il-ġdid Denis Suarez jista’ jagħmel id-debutt.
L-istatistika tpoġġi liċ-champions favoriti hekk kif se jippruvaw jirbħu erba’ logħbiet konsekuttivi fl-ogħla diviżjoni kontra Arsenal għall-ewwel darba minn April tal-1937. Sergio Aguero skorja seba’ gowls fil-11-il logħba li lagħab kontra Arsenal, iżda Guardiola jrid joqgħod attent li jżomm lit-tim iffukat hekk kif City tilfu tlieta mis-seba’ logħbiet meta skorjaw l-ewwel.
Il-leaders Liverpool jistgħu jkunu taħt aktar pressjoni jekk City jirbħu għada, hekk kif it-tim ta’ Klopp jilgħab f’Londra kontra West Ham it-Tnejn. Il-Hammers tilfu l-aħħar erba’ impenji fil-Premier League kontra Liverpool, u fl-erba’ okkażjonijiet sofrew erba’ gowls. B’hekk il-manager Manuel Pellegrini għandu biċċa xogħol diffiċli biex irażżan l-attakk ta’ Liverpool u fl-istess ħin jevita t-tielet konsekuttiva għat-tim tiegħu.
Kowċ taħt pressjoni bħalissa hu dak ta’ Chelsea Maurizio Sarri. Fost il-ġimgħa huma kienu umiljati b’telfa ta’ 4-0 kontra Bournemouth, inqabżu minn Arsenal u jinsabu biss żewġ punti fuq Manchester United. Sarri fl-aħħar ġimgħat għamel referenza dwar id-diffikultà li għandu biex jimmotiva lit-tim u dan jista’ juri xquq fi problemi li jistgħu jkomplu jikbru jekk ma jirbħux f’darhom kontra t-tim tal-qiegħ Huddersfield.
Manchester United jittamaw li jirritornaw għar-rebħ wara li fost il-ġimgħa evitaw telfa f’darhom kontra Burnley li waqqfet sitt rebħiet konsekuttivi fil-Premier League. Leicester mhux ġejjin minn perjodu feliċi fil-konfronti diretti kontra r-Red Devils, hekk kif rebħu biss darba mill-aħħar 12-il logħba fil-Premier League. Iżda l-manager Claude Puel jittama li jekk ikunu minn taħt ikunu b’saħħithom biżżejjed biex idawru r-riżultat hekk kif huma l-aktar tim li rebħu punti minn dawn is-sitwazzjonijiet. Għal Leicester jista’ jagħmel id-debutt Youri Tielemans.
Il-programm kollu mill-25 ġurnata tal-Premier League
Illum: Tottenham v Newcastle 1.30pm , Brighton v Watford 4.00pm , Burnley v Southampton 4.00pm , Chelsea v Huddersfield 4.00pm , C. Palace v Fulham 4.00pm , Everton v Wolves 4.00pm , Cardiff v Bournemouth 4.00pm , Għada: Leicester v Man United 3.05pm , Man City v Arsenal 5.30pm , It-Tnejn: West Ham v Liverpool 9.00pm
//= $special ?>