Sport Waterpolo

Neptunes superjuri minn San Ġiljan fil-ġurnata

(Ritratt: Martin Agius)

Neptunes Leo Vegas fetħu s-sena 2019 bl-aħjar mod possibbli meta għelbu lir-rebbieħa tas-sena l-oħra San Ġiljan TUM Invest 12-5. Dan ma jfissirx li Neptunes huma daqshekk aħjar minn San Ġiljan iżda fil-ġurnata kienu organizzati u konċentrati aktar mill-avversarji.

Iż-żewġ timijiet se jkunu ferm differenti fl-istaġun tas-sajf, hekk kif minbarra l-avversarji, San Ġiljan kellhom lill-captain Matthew Zammit nieqes filwaqt li Neptunes ma kellhomx lill-aħwa Stevie u Jordan Camilleri. Fl-assenza tagħhom, spikka ż-żagħżugħ Jake Muscat li skorja erba’ gowls u kien perikoluż b’xuttijiet minn pożizzjonijiet ċentrali.

Iż-żewġ timijiet kienu bbażati fuq iż-żgħażagħ tagħhom, bl-eċċezzjoni jkun il-captain ta’ Neptunes Niki Lanzon filwaqt li Dino Zammit ta’ 24 sena kien l-akbar plejer ta’ San Ġiljan.

Neptunes iddettaw il-logħob mill-bidu wara li wieġbu għall-gowl tal-vantaġġ ta’ Ben Plumpton. Minn hemm huma ddominaw, b’San Ġiljan ikunu niexfa mill-ideat biex idawru l-ballun veloċi biżżejjed u joħolqu l-ispazji. Neptunes fuq in-naħa l-oħra bdew jagħmlu l-oppost u kienu aktar kalmi, kompliċi mill-vantaġġ li bdew jibnu, tant li għalqu l-logħba f’nofs it-tielet sessjoni.

F’dik li kienet l-aktar logħba missielta tal-ġurnata, Sirens Greentube kisbu rebħa drammatika meta għelbu lil Valletta Videoslots. Il-Beltin kienu marru 3-0 minn fuq fl-ewwel sessjoni b’doppjetta ta’ Peter Borg u gowl ta’ Charlie Zammit li spiċċa l-aqwa skorer b’erba’ gowls.

Dan wassal biex Sirens kienu kostretti jiġru wara l-logħba, xi ħaġa li finalment irnexxielhom, b’John Napier jagħmel iġib id-draw għal 6-6 ftit aktar minn minuta għal tmiem it-tielet sessjoni.

John Brownrigg poġġa lil Sirens 8-7 minn fuq għall-ewwel darba, iżda Charlie Zammit ġab id-draw mill-ewwel. Sirens kellhom iċ-ċans li jiskorjaw il-gowl tar-rebħa minuta mit-tmiem iżda l-gowlkiper ta’ Valletta Ryan Sciortino salva l-penalty ta’ Isaiah Riolo. Madankollu kien anqas minn ħames sekondi għat-tmiem li John Brownrigg skorja l-gowl tar-rebħa meta minkejja li ssikkat, irnexxielu jdur u minn pożizzjoni ideali għeleb lil Sciortino.

Fl-ewwel logħba tal-ġurnata, Sliema Frank Salt rebħu 9-4 kontra Birżebbuġa Freeport. Kien fit-tieni sessjoni li Sliema fetħu vantaġġ doppju biex fit-tielet sessjoni għamlu ċert mir-rebħa b’erba’ gowls mingħajr risposta b’doppjetta ta’ Benji Cachia u gowls minn Jacob Sciberras u Jerome Gabarretta.

SAN ĠILJAN TUM INVEST……. 5   NEPTUNES LEO VEGAS………. 12

(1-2), (1-4), (1-5), (2-1)

San Ġiljan: J. Tanti, D. Ciantar, A. Galea, B. Grech (1), K. Dowling, J. Portelli, B. Plumpton (2), C. Farrugia, T. Said (1), Da. Zammit, J. Bonavia, Di. Zammit (1), T. Micallef

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), K. Erdogan (1), G. Pace, M. Martellacci, J. Farrugia, J. Culic, S. Busuttil, J. Abela (2), N. Zammit (2), J. Muscat (4), M. Azzopardi (1), B. Busuttil

Referees: Ronnie Spiteri, Stefan Licari

SIRENS GREENTUBE……………. 9   VALLETTA VIDEOSLOTS…….. 8

(1-3), (1-2), (4-2), (3-1)

Sirens: N. Grixti, Z. Bartolo, E. Aquilina (2), G. Sammut, M. Grech, J. Ciantar, J. Zerafa Gregory, I. Riolo (1), J. Napier (1), J. Brownrigg (3), L. Caruana (1), M. Sciberras (1), O. Gauci

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, P. Borg (2), C. Zammit (4), R. Mock, D. Paolella (1), M. Mifsud, N. Farrugia, M. Zammit, M. Lanzon, L. Gialanze, R. Bonnici

Referees: Stefan Licari, Richard Magri

SLIEMA FRANK SALT…………. 9   BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 4

(2-2), (2-0), (4-0), (1-2)

Sliema: M. Vassallo, J. Gabarretta (3), G. Sammut, J. Sciberras (2), M. Meli, B. Cachia (2), M. Spiteri Staines, N. Saliba, M. Cordina, D. Fenech, Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), A. Theuma

Birżebbuġa: D. Spiteri, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi, C. Mifsud, R. Mifsud, S. Vassallo (1), D. Cutajar (2), Z. Farrugia Seychell, M. Cutajar (1), L. Borg, J. Buhagiar, J. Cremona

Referees: Alex De Raffaele, Neville Mercieca