Futbol Sport

Qormi joqorbu lejn Pietà b’rebħa importanti li tagħtihom tama li jistgħu jsalvaw

(Ritratt: James Galea)

PIETÀ H……………… 0   QORMI……………….. 2

Pietà: N. Vella, C. Degabriele (N. Pisani 81’), C. Grech, A. Machedo Neto, S. Radovanovic, I. Jalo, D. Agius, N. Pace Cocks (G. Kekua 57’), U. Umeh, P. Chimezie (J. Scicluna 76’), G. Mensah

Qormi: D. Cassar, R. Romao, D. Mansi, A. Abela, M. Micallef, Y. Yankam, K. Soares (T. Gusman 58’), M. Bangoura, J. Lokando, F. Gnindokponou (I. Zammit 78’), A. Rozzi (A. Cassar 91’)

Imwissija: N. Pace Cocks 20’, D. Agius 52’, I. Jalo 79’ (P), D. Mansi 25’, M. Bangoura 47’, F. Gnindokponou 51’, T. Gusman 78’ (Q)

Skorjaw: M. Bangoura 62’, I. Zammit 90’ (Q)

Referee: Glen Tonna

Assistenti Referees: William Debattista, Darko Stankovic

Il-Mument Plejer tal-logħba: Yannick Yankam (Qormi)

Żewġ gowls fit-tieni taqsima taw rebħa importantissima lil Qormi li b’hekk irritornaw għar-rebħ wara li kien biss sal-ewwel tliet logħbiet li huma kienu kisbu l-punti. Fuq in-naħa l-oħra, Pietà komplew jidħlu f’aktar problemi ta’ relegazzjoni hekk kif sofrew is-sitt telfa konsekuttiva u issa ilhom ma jirbħu minn l-aħħar ta’ Ottubru.

Għal Qormi din ir-rebħa terġa’ tqawwilhom qalbhom li jistgħu jagħmlu miraklu sportiv u jsalvaw posthom, f’dik li kienet l-ewwel rebħa kemm ilhom taħt it-tmexxija teknika ta’ Mario Muscat. Iż-żewġ timijiet kienu konxji ta’ x’jistgħu jiksbu u jitilfu. Għalhekk iż-żewġ difiżi kienu qed jirbħu fuq l-attakki minħabba li t-timijiet ftit bdew jiżbilanċjaw ruħhom, b’konsegwenza li ftit kien hemm azzjonijiet denji.

Kien lejn tmiem l-ewwel taqsima li Qormi kellhom ċans tajjeb. Dan wara li David Cassar, li kien qed jagħmel id-debutt, dawwar f’korner kross ta’ Uchenna Umeh. Iżda mill-istess korner, l-azzjoni spiċċat f’kontrattakk bi tliet plejers ma’ difensur, iżda Mohamed Bangoura naqas li jegħleb lil Nicky Vella minn quddiemu.

Il-Qriema ħarġu aktar determinati fit-tieni taqsima u bdew jirriskjaw aktar minħabba l-fatt li xejn għajr minn rebħa ma kienet se tissodisfahom.

Qormi marru fil-vantaġġ fit-62 minuta meta minn kross ta’ Freud Gnindokponou kien MOHAMED BANGOURA li għeleb lil Nicky Vella f’sitwazzjoni li l-gowlkiper ta’ Pietà ma seta’ jagħmel xejn. Dan il-gowl ta saħħa ġdida lill-Qriema li minuti wara kellhom żewġ azzjonijiet oħra minn Romeu Romao u Tensior Gusman, iżda ż-żewġ tentattivi għaddew fuq il-mimduda.

Qormi għamlu ċert mir-rebħa fid-89 minuta meta kien is-sostitut IVEN ZAMMIT li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Vella fost il-ferħ tal-partitarji Qriema. Qabel tmiem il-logħba, Pietà setgħu naqqsu d-distakk iżda l-free-kick tad-debuttant Gegi Kekua għadda fuq il-lasta.