Futbol Sport

Renan De Oliveira jispikka bi tripletta f’rebħa għal San Ġwann

(Ritratt: Martin Agius)

SAN ĠWANN ……………… 3   MARSA ………………… 0

San Ġwann: M. Mestrovic, J. Azzopardi, J. Grech, R. Zammit, A. Cachia, A. Borg, C. Gauci, K. Gatt (N. Abouhaisa 46’), J. Tanti, N. Melo Ferreira (J.P. Attard 71’), R. De Oliveira (J. Bowman 61’).

Marsa: K. Brincat, L. Camilleri, L. Ciantar, S. Vella (J. Theuma 48’), J. Lovegrove, D. Agius (O. Cristiani 36’), L. Friggieri, R. Gatt De Raffaele, Y. Camilleri, A. Watanabe, O. Anyaso (R. Gafa 72’).

Referee: Andrea Sciriha

San Ġwann kisbu tliet punti prezzjużi fil-ġlieda tagħhom kontra r-relegazzjoni, kontra t-tim ta’ Marsa li jidher ċar li l-ġlieda tiegħu kontra r-relegazzjoni tilifha, mhux ilbieraħ iżda diversi ġimgħat ilu, fejn issa dan il-klabb irid l-ewwel isolvi l-problemi ta’ amministrazzjoni u wara jibda jippjana kif tal-inqas jirritorna f’din il-kategorija.  L-eroj ta’ San Ġwann kien Renan Abner de Oliveira li skorja tripletta.

L-ewwel azzjoni kienet ta’ Marsa b’xutt ta’ Watanabe jfalli l-mira. San Ġwann fetħu l-iskor wara 12-il minuta meta Jan Tanti għadda tajjeb fuq il-lemin u qassam lejn RENAN ABNER DE OLIVEIRA li kompletament żmarkat ma kellux diffikultà jegħleb lil Brincat.

Ir-reazzjoni ta’ Marsa kienet fjakka u konfuża u San Ġwann resqu qrib fl-20 minuta b’azzjoni fuq ix-xellug u xutt ta’ Melo Ferreira li kien salvat minn Brincat. Ħames minuti wara, De Oliveira falla ċans tad-deheb meta dam jaħsibha quddiem il-lasta, iżda ma l-istess RENAN ABNER DE OLIVEIRA ma żbaljax fid-29 minuta wara xogħol tajjeb fuq ix-xellug ta’ Kyle Gatt.

L-azzjonijiet ta’ San Ġwann komplew fejn De Oliveira kien imwaqqaf minn ħarġa kuraġġuża ta’ Brincat u fit-43 minuta xutt ta’ De Oliveira ħabat ma’ sieq il-lasta. Minuta wara RENAN ABNER DE OLIVEIRA għaqqad it-tripletta meta kompletament waħdu qabbeż minn fuq Brincat.

Fit-tieni taqsima l-logħba kienet mingħajr interess bit-tim ta’ San Ġwann li minkejja li naqqas ferm l-intensità tal-logħob tiegħu, xorta waħda falla diversi ċansijiet oħra ta’ skor.