Sport Waterpolo

San Ġiljan u Neptunes iġeddu r-rivalità fl-ewwel ġurnata tal-Enemed Cup

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq tingħata bidu għat-tieni edizzjoni tal-Enemed Cup. L-aktar partita mistennija hi żgur dik bejn San Ġiljan TUM Invest u Neptunes Leo Vegas li b’hekk se jġeddu r-rivalità li kkaratterizzat tmiem l-istaġun tas-sajf li għadda.

San Ġiljan li rebħu l-ewwel edizzjoni s-sena l-oħra għandhom jibdew favoriti li flimkien ma’ Sliema jkunu fost l-isfidanti għar-rebħ tal-unur. Neptunes mhux se jkunu bl-aħjar skwadra minħabba diversi plejers li qed jilagħbu barra minn Malta, fosthom Stevie u Jordan Camilleri li qed jilagħbu ma’ Roma Nuoto.

Fl-ewwel logħba fil-programm, Sliema Frank Salt mistennija jegħlbu l-isfida ta’ Birżebbuġa Freeport, li hu l-uniku tim mill-Ewwel Diviżjoni li se jikkompeti f’din l-edizzjoni. Il-kowċ ta’ Sliema Sergio Afric għandu grupp ta’ plejers Maltin biex bħal ma għamlu s-sena l-oħra, jistgħu jisfidaw għar-rebħ tal-kompetizzjoni. Għalihom mistenni jagħmel id-debutt iż-żagħżugħ Jacob Sciberras.

Partita missielta mistennija tkun dik bejn Sirens Greentube u Valletta Videoslots. Valletta ħadmu biex isaħħu l-iskwadra fil-jiem tax-xitwa, bl-akkwisti tal-plejers Maltin Miguel Zammit, Peter Borg u Nicholas Farrugia. Sirens għandhom tim bilanċjat bejn plejers ta’ esperjenza u żgħażagħ u normalment dejjem ikunu ta’ sfida denja għal kull tim.

Enemed Cup

Illum

Sliema v Birżebbuġa       3.00pm

San Ġiljan v Neptunes   4.15pm

Sirens v Valletta              5.30pm