Lokali

‘Spiċċajna trattati qisna kriminali’ – eks impjegati tal-fabbrika Astracast

Il-Ġimgħa, diversi eks impjegati tal-fabbrika Astracast kienu msejħa sabiex imorru jiġbru l-affarijiet personali tagħhom mill-istess fabbrika fejn kienu jaħdmu.

Diversi eks ħaddiema li tkellmu magħna qalulna kif ħassewhom trattati bħala kriminali minħabba l-fatt li kien hemm preżenza kbira ta’ pulizija.

Dawn il-ħaddiema għadhom qed jistennew diversi ħlasijiet fosthom dawk marbuta mal-ħlass tan-notice, kif ukoll mal-leave u sick leave tagħhom. Huma sostnew li jinsabu determinati li jibqgħu jiġġieldu sal-aħħar ċentżmu dovut lilhom.

Apparti problemi finanzjari, dawn il-ħaddiema għaddejjin ukoll minn problemi psikoloġiċi minħabba l-fatt li spiċċaw qed ifittxu xogħol mingħajr ebda ċertezza li se jirnexxielhom isibu impjieg.

Ta’ min wieħed ifakkar li l-fabbrika AstraCast f’Bulebel, għalqet il-bibien tagħha darba għal dejjem ix-xahar li għadda, bil-kosegwenza li tkeċċew 32 ħaddiem.

Is-sitwazzjoni fl-AstraCast kienet żvelata b’mod esklussiv mill-gazzetta il-mument, fejn kien intqal kif ħadd ma kien qed jitħalla jidħol fil-fabbrika… ħlief il-management.

Il-ħaddiema kienu ntbagħtu jirreġistraw għax-xogħol wara li kienu ilhom aktar minn 15-il sena impjegati ma’ din il-fabbrika.