Eluf ta’ residenti fil-belt ta’ Townsville u l-madwar ingħataw twissija dwar ‘inċidenza ta’ għargħar mingħajr l-ebda preċedent’, fost inżul tax-xita persistenti tal-‘monsoon’. Is-sitwazzjoni saret anki kumplikata wara li nfetħu għal kollox il-bibien tad-diga konnessa max-Xmara Ross, fl-inħawi.
Il-belt ta’ Townsville tinsab fl-Istat ta’ Queensland u l-inżul tax-xita kontinwa wassal għal sitwazzjoni fejn id-diga tax-Xmara Ross ma setgħetx tlaħħaq mal-livell tal-ilma.
L-uffiċjali wissew li sa 20,000 residenza jistgħu jispiċċaw mgħarrqin, meta l-għargħar diġà ġarr miegħu lill-annimali tal-merħla u kwantità ta’ karozzi fil-madwar ta’ Townsville, viċin il-kosta.
Il-Bureau Meteoroloġiku tal-Awstralja wissa dwar ‘il-periklu serju għall-ħajja u l-proprjetà’, ftit wara li l-bibien tal-imsemmija diga kienu ‘infetħu sal-massimu’.
Il-kundizzjonijiet kienu qed jinbidlu malajr u kontinwament, bir-residenti jkunu mħeġġa biex jibqgħu attenti għall-pariri mill-awtoritajiet għall-emerġenzi.
Ingħad ukoll li mid-diga kellhom joħorġu mal-1,900 metri kubi ta’ ilma fis-sekonda u li jammontaw għal ‘ammont għoli u perikoluż’.
F’ġimgħa waħda biss niżlet aktar minn metru xita fuq Townsville li hi 20 darba aktar mill-medja għal dan iż-żmien tas-sena. L-aħħar ħalbiet kważi nessew ir-rekord tax-xita preċedenti li kien imur lura għall-1998 u li baqa’ imfakkar bħala ‘il-Lejla ta’ Noe’.
Intant, il-kriżi f’Townsville u l-madwar qed taffettwa eluf ta’ residenti, b’uħud jispiċċaw mingħajr dawl u b’oħrajn jispiċċaw iżolati fit-toroq mgħarrqin. Fl-aħħar sigħat kienu evakwati numru sinifikanti ta’ nies, bir-ritratti u filmati li qed jiċċirkulaw fil-media soċjali juru lin-nies għaddejjin mit-toroq fejn l-ilma jlaħħqilhom sa nofs-qaddhom.
L-Armata qed tgħin biex tipproteġi lid-djar fejn tellgħet il-‘ħitan’ ta’ xkejjer mimlijin bir-ramel – u bil-gruppi tas-salvataġġ qegħdin jużaw iċ-ċattri biex imexxu lin-nies lejn iz-zoni anqas perikolużi.
//= $special ?>

