Lokali

“Dil-qagħda twasslek taħsibha għandekx tneħħi ħajtek b’idejk” – priġunier f’Kordin

Ittra ppubblikata fil-gazzetta il-mument tal-lum

Għażiż Joe,

Inkompli fejn ħallejt il-ġimgħa l-oħra (il-lum it-tieni parti) u ngħidlek li aħna l-priġunieri għandna suspett qawwi ħafna li biex inxtraw l-uniformijiet il-ġodda tal-Gwardjani – li issa libbsuhom ukoll il-beritta sewda – qatgħu l-card tal-€5 li konna ningħataw biex inċemplu.
Nikkonfermalek li anki ħafna mill-Gwardjani huma mdejqa bil-mod kif qed ikunu trattati huma wkoll. Ftit ilu inti intervistajt Gwardjan tal-Ħabs. L-għada filgħodu hu laqqa’ lill-Gwardjani fil-fall-in u qalilhom li jistgħu jmorru fejn iridu għaliex “lili tbusuli…”
Tassew kliem mhux xieraq lill-Gwardjani tal-Ħabs li aħna nifhmu tajjeb li anki huma qed jinqabdu f’sitwazzjoni xejn sabiħa bejn it-Tmexxija l-ġdida tal-Ħabs u aħna l-priġunieri.

Familjari ma jitħallewx idaħħlulna ikel
Żvilupp xejn mistenni li seħħ ftit tal-ġimgħat ilu kien dak meta l-ikel li kienu jġibulna l-familjari spiċċa biex kważi qatgħuh għalkollox. Iħalluhom idaħħlu porzjon żgħir biss ta’ ikel. Il-kumplament tal-ikel jew jintrema jew jingħata lura lil min ikun ġabu.
Naf b’każ ta’ anzjana li ġabet borma minestra lil wieħed priġunier u lil din ħallewha ddaħħal biss ftit minn din il-minestra. Qalulna li l-kumplament jew tieħdu lura magħha jew inkella tintrema. Din l-anzjana ġietha reqqa milli tarmi l-minestra li kienet sajret… u għalhekk il-kumplament poġġewhielha f’garbage bag sewda!
Dan apparti li meta xi ħadd iġiblek xi ħaġa tal-ikel jispiċċaw idaħħlu idhom fiha u jqallbu fl-ikel biex jiċċekkjaw xi jkun fiha!
Aħna kemm-il darba qsamna l-ikel li kienu jġibulna ma’ priġunieri oħrajn, fosthom barranin, li ma għandhom lil ħadd min iġibilhom l-ikel. Dan kollu nqata’. Issa jħalluhom idaħħu biss porzjon żgħir għall-ġurnata. Anki minn din qed iċaħħduna.

Tentazzjoni li tneħħi ħajtek b’idejk
L-aktar ħaġa tal-biża’ li se niktiblek hi din li ġejja issa. Il-mumenti ta’ tentazzjoni li jkollhom uħud minna biex ineħħu ħajjithom b’idejhom għaliex fil-veru sens tal-kelma ma jistgħux jissapportu aktar is-sitwazzjoni kiefra ta’ hawn ġew b’ħafna moħqrija żejda.
Fejn tista’ tasal aktar meta tasal biex tibda titħajjar tneħħi ħajtek b’idejk? U dan bl-aktar mod krudili tant kemm hawn sitwazzjoni ta’ disperazzjoni?

Jien ma nagħtihx tort lil dak iż-żagħżugħ li neħħa ħajtu b’idejh. Aħna biss nafu minn xiex għadda fis-sigħat ta’ qabel. Kemm talab l-għajnuna u ħadd ma ta kasu. Kemm beda u ħabbat mal-bieb taċ-ċella u ħadd ma fetaħlu biex jara x’kellu bżonn.
Ma nkunx qed nesaġera jekk ngħidlek li l-istorja ta’ dak iż-żagħżugħ kienet ilha għaddejja numru ta’ jiem. Kont nisimgħu wkoll jargumenta ma’ xi ħadd fil-phone box. Probabbilment mal-girl friend tiegħu. Kont nisimgħu jitkellem magħha u jgħidilha minn xiex kien għaddej u li ħadd ma kien qiegħed jagħti kasu bis-serjetà u li ma kienx jiflaħ aktar għal dak li kien għaddej minnu.
Bla dubju ta’ xejn li kemm-il darba xi ħadd professjonali tkellem ma’ dan iż-żagħżugħ u għenu fil-kura li kellu bżonn, dan illum għadu magħna u mhux mar id-dinja l-oħra għaliex neħħa ħajtu b’idejh.
Darba minnhom dan iż-żagħżugħ sabbat b’kemm kellu saħħa t-telefon u wara sabbat ukoll il-bieb tal-phone box. U Allajbierek ħadd mill-Gwardjani ma ndenja ruħu jistaqsih x’kien ġara jew jekk kellux bżonn ta’ xi ħaġa.

Għax dak li spiss jiġri hawnhekk hu li minn fuq ikun hawn min jiddieħek b’dak li jkun u jiżżuffjetta bih, apparti mill-kummenti xejn xierqa li jgħaddu.
Tajjeb li wieħed ikun jaf li f’kull Division ikun hawn madwar erba’ Gwardjani suppost għassa u għal dak li jista’ jinqala’. Iżda tajjeb li jingħad ukoll li darba tidħol fiċ-ċella tiegħek ħadd ma jagħti kasek u jekk għandekx bżonn xi ħaġa. Tista’ mhux tilħaq titgħallaq fiċ-ċella jew taqta’ l-polz b’xi xafra… hemm tibqa’ u jsibuk biss filgħodu meta jiġu jiftħu ċ-ċelel.

Ġurnata sħiħa bilqiegħda fil-Guard Room
Ippermettili nfiehmek ftit is-sistema hawn ġew x’inhi u kif jitqassam il-ħin tagħna l-priġunieri. Mela fit-7.45am jinfetħu l-bibien taċ-ċelel u wara jsir il-fall-in. Eżatt wara jgħidulna x’hemm ikel u min irid jixtri xi cards tat-telefon.
Jaraw min għandu l-Qorti u mbagħad gas down mal-pjanċa għal ġol-Guard Room. Probabbilment nagħmlu ġurnata sħiħa bilqiegħda ħlief għal xi ħaġa li nitqabbdu nagħmlu bilfors.
Sadanittant f’12.20pm issir fall-in oħra u mbagħad oħra fis-2pm u aktar tard fil-5pm u fit-8.20pm. Bejn l-4pm u l-5pm jagħlqu ċ-ċelel kollha. Din jagħmluha biex il-Gwardjani jgħidu li jieħdu ftit break.
Fil-kumplament tal-ħin il-priġunier ikun maqful fiċ-ċella tiegħu u f’dak il-ħin ikollu l-fakultà kollha li jista’ jagħmel li jrid bla superviżjoni ta’ xejn… jista’ jieħu d-droga, jista’ jneħħi ħajtu b’idejh, jista’ jagħmel ħsara fil-persuna tiegħu… u mitt abbuż ieħor għaliex l-ebda Gwardjan ma jiġi jiċċekkja ċ-ċelel u jekk hux kollox sew.

Il-faċilitajiet fil-Guard Room
Aħna l-priġunieri li nkunu fil-Guard Room għandna numru ta’ faċilitajiet, fosthom televiżjoni u kompjuter b’aċċess għal ċerti siti bħall-You Tube. Il-Gwardjani jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu użu wkoll mill-mobile tagħhom.
Ġeneralment il-Gwardjani jieħdu gost jagħmlu ftit tal-ħin kwieti u japprezzaw jekk aħna l-priġunieri ninġabru fiċ-ċelel tagħna u noqogħdu hemm nagħmlu li rridu, basta ma nagħmlux xi ħaġa mhux flokha.
Nista’ ngħidlek li hawn Gwardjani dedikati u tal-affari tagħhom immens. Imma hawn ukoll Gwardjani skifużi u li trid il-frosta biex iċċaqlaqhom. Erħilhom fuq l-Iphone jilagħbu xi logħba jew inkella fuq il-Facebook.

Flok għenuh, abbandunawh
U kien għalhekk li dak iż-żagħżugħ neħħa ħajtu b’idejh għaliex flok sab l-għajnuna u lil min jieqaf miegħu fil-mumenti diffiċli tiegħu, sab li kien abbandunat minn kulħadd.
Issa biex mingħalihom jiskolpaw lilhom infushom, l-Awtoritajiet tal-Ħabs qed jagħmlu inkjesta interna biex hekk jaħbu n-nuqqasijiet u huma joħorġu li ma kellhom l-ebda tort. Insomma inkjesta interna… anki fir-rigward ta’ dak il-Gwardjan li kien qabbad tliet Għarab jagħtu xebgħa lil wieħed priġunier ukoll saret inkjesta, imma fiex waslet ħadd ma jaf!
Imma għandi fiduċja fl-Inkjesta Maġisterjali u nispera li f’din l-Inkjesta jibagħtu għall-familjari tiegħu biex jgħidulhom il-verità. U għalina li konna ċella ma’ ċella miegħu biex ngħidulhom il-verità u għaliex dak iż-żagħżugħ neħħa ħajtu b’idejh wara sigħat twal jitlob għall-għajnuna u ħadd ma jindenja ruħu jiftaħlu l-bieb taċ-ċella u jkellmu.

L-Awtoritajiet tal-Ħabs għandhom jerfgħu kull responsabbiltà għal dak li qed jiġri hawn ġew. Priġunier, wieħed, tnejn u aktar jispiċċaw ħażin minħabba li l-affarijiet mhux isiru sew. Ma jistgħux jibqgħu jfarfru mir-responsabbiltajiet tagħhom, jgħakksu lilna l-priġunieri u l-importanti għalihom li fl-aħħar tax-xahar idabbru paga kbira minn fuq dahar il-poplu Malti.
Nagħmilha ċara li ftit biss mill-Gwardjani hemm min jipprova jsir jaf lill-priġunieri u jkun ta’ għajnuna għalihom. Ġeneralment niltaqgħu ma’ Gwardjani li ma jinteressahomx mill-priġunier u l-problemi tiegħu. Mhux kollha hekk, iżda sfortunatament aħna l-priġunieri mhux talli ma ningħatawx riabilitazzjoni, iżda jħalluna nfendu għal rasna.
Imma l-aktar li ddispjaċieni fir-rigward ta’ dak iż-żagħżugħ hu li qisu miet xi qattus jew xi annimal. Fittxew li malajr malajr jeħilsu minnu u qalu li miet l-Isptar. Giddibin. Dak iż-żagħżugħ miet hawnhekk u miċ-ċella nħareġ mejjet. L-aqwa li issa fl-Arkivji hemm inkjesta oħra miftuħa.

It-tieni mewta fil-Ħabs fi ftit jiem
Imbagħad fi ftit jiem faqqgħet mewta oħra ta’ żagħżugħ ieħor. Dan ukoll f’saħħtu kien ilu sejjer lura ħafna. Xi ġimgħa jew ftit aktar qabel ma miet kienu sabuh mal-art bla nifs. Fiċ-ċella tiegħu. Ftit tal-ħin qabel il-fall-in. U kienu sabuh b’kumbinazzjoni għax f’dawk il-ħinijiet biss joħorġu mill-Guard Room. Fil-verità dakinhar min jaf kemm kien ilu fl-art jiġġieled għal kull nifs. Mingħajr ma ħadd ma tah l-għajnuna fiċ-ċella tiegħu.
Dak li naf biss hu li mbagħad f’xi ħin ġiet in-nurse u għamlitlu ċ-ċilindru tan-nifs u ftit wara telqu ’l hemm bħallikieku dan kien fieq. Dan iż-żagħżugħ kien wieħed oħxon, iżda jien niftakru tajjeb dieħel il-ħabs u meta daħal hawnhekk kellu statura normali, anzi pjuttost irqiq. Jiġifieri min suppost li kien responsabbli suppost li rah jitqawwa u jitqawwa u jżid il-piż kuljum.

Negozju fil-pilloli mqassma mill-Ħabs
Naf ukoll li dan il-priġunier kien qed jieħu xi pilloli mingħand xi priġunieri oħrajn. Ma nafx jekk wara kollox kienx qed jixtri dawn il-pilloli. Għax tajjeb li ngħidlek li hawnhekk hi prassi ta’ kuljum li wieħed ibigħ il-pilloli lill-ieħor. U dak li jkun jibla’ l-pilloli mingħajr ma jkun jaf x’inhu jieħu. Dan kollu jiġri kuljum u quddiem għajnejh il-Gwardjani. Ma ninsewx li hawnhekk il-pilloli jitqassmu tliet darbiet kuljum u fil-parti l-kbira dawn il-pilloli jkunu fil-bottijiet. Dak li jiġri ħafna drabi hu li dak li jkun ibattal il-bott f’ħalqu, iżomm il-pilloli f’ħalqu u mbagħad joħroġhom u jżommhom. Hekk dawk il-pilloli ma jkunx belagħhom u sussegwentement jispiċċa jinnegozjahom.
Din hi prassi komuni ħafna u l-Gwardjani jew ma jintebħux xi jkun għaddej, jew inkella ma jagħtux kas. L-importanti li waqt it-tqassim tal-pilloli l-Gwardjani jkunu man-nurse. Ġeneralment ikollhom seba’ mitt sena sakemm ifittxu jeħilsu u jdabbru rashom ’l hemm.

(It-tielet u l-aħħar parti ta’ din l-ittra twila tkun pubblikata nhar il-Ħadd li ġej)