Lokali

Għandna l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna

“Ir-rapport ta’ Transparency International huwa ċ-ċertifikat li dan huwa l-aktar Gvern korrott li qed iħammrilna wiċċna madwar id-dinja. Dan bil-kejl ta’ Joseph Muscat stess li dejjem ibbaża ruħu fuq dan ir-rapport, li issa ċċertifikah bħala l-aktar korrott fl-istorja ta’ pajjiżna.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fil Belt Valletta.

Dr Delia qal li Gvernijiet Nazzjonalisti bnew r-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna sabiex nattiraw l-aqwa investimenti u l-Gvern Laburista spiċċa biex niżżilna fl-agħar postijiet fl-indiċi ta’ Transparency International. Transparency International qalu li l-iskandli tal-Panama Papers, il-bank Pilatus, il-bejgħ tal-passaporti u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienu r-raġunijiet prinċipali għalfejn pajjiżna waqa’ ‘l isfel fit-trasparenza.

Huwa qal li dan ir-rapport jingħaqad ma sensiela ta’ rapporti oħra internazzjonali li qed jikkundannaw lill-Gvern Laburista bħalma kien ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-bejgħ tal-passaporti u tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-bank Pilatus. Huwa qal li issa li Joseph Muscat kisser ir-reputazzjoni tagħna, qed jattakka lill-banek biex jillaxkaw. Dr Delia rringrazzja lill-bankiera, l-operaturi finanzjarji u l-professjonisti għas-serjetà f’xogħolhom u ħeġġiġhom biex ma jċedux quddiem it-theddid tal-Gvern.

Adrian Delia qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali (NAO) dwar il-ħruġ tal-viżi mill-Alġerija jikkonferma dak li kien ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista. Mir-rapport jirriżulta fost l-oħrajn li għal żmien twil il-Konsulat Malti fl-Alġerija kien qed iservi biex jinħarġu l-viżi lill-Alġerini li daħlu f’Malta u spiċċaw f’pajjiżna jew xi pajjiż ieħor fl-Ewropa mingħajr traċċa tagħhom.

Dan meta wieħed minn kull erba’ li ngħataw il-viża ma rritornax lura pajjiżu u meta mal-500 viża kienu ġew iffirjutati mill-Pulizija fuq raġuni ta’ sigurtà u xorta waħda ingħataw il-viża mill-Konslu, li dak iż-żmien kien il-kuġin ta’ Joseph Muscat. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna Gvern li jdaħħal lin-nies għall-flus, imma nies oħrajn li jkunu f’diffikutajiet u fil-periklu għal ħajjithom ma jsalvahomx.

Dr Delia qal li dan huwa Gvern bla pjan li jrid jagħti art pubblika bix-xejn għall-ispekulazzjoni minn wara dahar il-poplu. Huwa qal li meta hawn anzjani u negozji żgħar li meta jingħalqilhom iċ-ċens tal-kiri jispiċċaw barra jew b’xejn, il-Gvern irid jagħti din l-art pubblika f’żona strateġika għal €51 miljun biss għall-ispekulazzjoni.

Adrian Delia qal li Joseph Muscat qed jgħid li l-Partit Nazzjonalista kien favur dan il-ftehim, meta dan mhux veru għaliex dak iż-żmien kien progett turistiku u mhux ta’ spekulazzjoni. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien u se jibqa’ favur l-investimenti fit-turiżmu ta’ kwalità iżda mhux se jippermetti li art pubblika tingħata bix-xejn mingħajr tender għall-ispekulazzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern m’għandux pjan fit-tul għat-trasport pubbliku u dan qed jirriżulta mill-istatistika li turi kif qed jiżdiedu 73 karozza fit-triq kuljum u mhu qed jigi pjanat xejn dwar trasport effettiv. Il-Gvern m’għandux pjan lanqas għall-għalliema u l-edukaturi, u filwaqt li jrid idaħħal 13-il suġġett ġdid mis-sena akkademika li jmiss, m’hawnx għalliema biżżejjed għaliex il-Gvern mhux qed jinċentiva aktar persuni biex isiru għalliema.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa partit li jinteressah min-nies u jaħdem għall-benesseri ta’ kulħadd. Xiehda ta’ dan hija d-direttiva li nnegozja l-MEP David Casa dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, li se żżid il-leave lill-ġenituri. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jinteressah ukoll mill-bdiewa u għalhekk ressaq proposti konkreti u studjati biex jgħin lill-bdiewa u r-raħħala u s-sostenibbilità tal-prodott lokali. Dan permezz ta’ għodod Ewropej li huma maħsubin apposta għall-promozzjoni tal-prodott agrikolu lokali.

F’jum iddedikat lill-ħajja, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li t-tarbija fil-ġuf hija ħajja umana u mhux tmin ċelloli biss, kif jaħsibha l-Gvern. Huwa faħar il-ħidma tal-Malta Unborn Child Movement u qal li l-PN se jibqa’ jiddefendi l-ħajja u lit-tarbija fil-ġuf, u mhux se jippermetti li l-Gvern ikisser il-valuri tal-famija u joħloq a soulless state.