Il-banek ewlenin f’pajjiżna giddbu dikjarazzjoni li għamel iktar kmieni din il-ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat meta ddikjara li s-settur bankarju f’Malta qed jikser il-liġijiet Ewropej.
Dan għaliex qal li persuni u kumpaniji leġittimi qed isibuha impossibbli li jiftħu kontijiet bankarji ġodda f’pajjiżna u li ma jistax jittollera sitwazzjoni bħal din.
Iżda b’reazzjoni, il-banek lokali urew kif dan mhux minnu, u qalu li fl-aħħar snin iddaħħlu diversi regoli ġodda li l-iskop tagħhom hu li jkun limitat ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament għat-terroriżmu.
F’kummenti lil The Sunday Times of Malta, kelliem għall-Bank of Valletta qal li tant dak li Muscat mhux minnu, li l-bank saħansitra ħoloq servizzi ffukati speċifikament biex klijenti barranin ikunu jistgħu jinqdew.
Il-Kap Eżekuttiv tal-APS ukoll ikkonferma li l-bank jimxi mal-liġijiet Ewropej u Maltin u ddikjara li m’hemm l-ebda suġġeriment li persuni u negozji leġittimi qed jinżammu milli jiftħu kont mal-APS.
Dan waqt li kelliem għall-HSBC iddikjarat li għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Prim Minsitru Joseph Muscat, il-bank jilqa’ lil kull klijent prospettiv ġdid u li r-rikjesti ta’ due diligence tal-bank jimxu mar-regolamentazzjoni lokali.
Min-naħa tiegħu l-BNF jiddikjara li klijenti ġodda huma dejjem mistiedna biex jużaw is-servizzi bankarji tiegħu u li l-bank jagħmilha ċara x’dokumenti għandu bżonn klijent ġdid biex ikun in regola.
Kull bank saħansitra jiddikjara li kellu żieda fl-ammont ta’ kontijiet bankarji li fetaħ għal klijenti ġodda, meta mqabbel mas-snin preċedenti.
The Sunday Times tkellmet ukoll ma’ konsulenti tas-servizzi finanzjarji li jemmnu li kulħadd għandu dritt li jkollu kont bankarju imma wkoll li jridu jilħqu kundizzjonijiet imposti mir-regolaturi tal-banek.
//= $special ?>
