Sa tard illejla, il-Pulizija ta’ Għawdex, immexxija mis-Supretendent Maurice Curmi, qed tinvestiga mewta suspettuża fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, immexxi minn Steward Healthcare.
Jirriżulta li r-raġel, ta’ 54 sena mir-Rabat, ilbieraħ iddaħħal għall-kura b’urġenza fl-Isptar Ġenerali u minn dak il-ħin ‘il quddiem, seħħew numru ta’ ċirkostanzi bir-riżultat li aktar tard illum, hu tilef ħajtu.
Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-għassa, li ordna li ssir Inkjesta Maġisterjali, filwaqt li bagħat il-katavru tar-raġel lejn l-Isptar Mater Dei biex għada filgħodu ssirlu l-awtopsja.
Nifhmu li l-Pulizija ta’ Għawdex diġà bdiet tkellem għadd ta’ persuni biex jgħinuha fl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ meqjus bħala wieħed serju u li sfortunatament, żviluppa fil-mewt ta’ persuna.
Aktar informazzjoni fil-ħinijiet li ġejjin.
//= $special ?>