Internazzjonali

IL-VENEŻWELA: It-Turkija twissi dwar appoġġ għal Guaido

Il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevut Cavusoglu, qal li l-pajjiżi li qegħdin jirrikonoxxu lil Juan Guaido bħala President proviżorju tal-Veneżwela, qegħdin ‘jixprunaw l-inkwiet u l-problemi’ għal dan il-pajjiż Latin-Amerikan, ‘u fejn iċ-ċittadini se jispiċċaw iġorru l-konsegwenzi negattivi’.

It-Turkija – kuntrarju għall-Istati Uniti u l-Kanada li huma alleati tan-NATO – qed tappoġġa lill-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro. Sadanittant, Guaido, jiem ilu, iddikjara lilu nnifsu bħala mexxej proviżorju tal-Veneżwela u qed ikun rikonoxxut ukoll minn pajjiżi Latini Amerikani oħrajn orjentati (politikament) lejn il-lemin.

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip, ġimgħat ilu, kien ħeġġeġ biex Maduro ‘jibqa’ sod kontra żviluppi anti-demokratiċi’ u l-Ministru Cavusoglu issa qal li l-pajjiżi li qegħdin jappoġġjaw lil Guaido ‘messhom, minflok, ħadmu għal negozjati bil-għan li jirrisolvu l-kriżi tal-Veneżwela’.

Cavusoglu tenna li ‘il-Veneżwela hi pajjiż bil-problemi u fejn l-iċken ħaġa kapaċi tqabbad nar fi kwalunkwe mument’. Hu, imbagħad, ikkritika lill-pajjiżi li, fil-fehma tiegħu, naqsu milli jikkontribwixxu għal soluzzjoni tal-problema permezz tad-djalogu ‘u meta n-nies tal-Veneżwela qegħdin ibatu bħala riżultat’.

Id-diżgwid dwar il-Veneżwela kapaċi jiżbroffa f’polemika ġdida bejn l-Istati Uniti u t-Turkija li għandhom ukoll differenzi politiċi dwar is-Sirja; is-sanzjonijiet għall-Iran u l-pjani ta’ Ankara biex tixtri sistema ta’ difiża għal kontra l-missili mingħand ir-Russja.

Sadanittant, Franza qed taħseb biex tirrikonoxxi lil Juan Guaido bħala President proviżorju tal-Veneżwela f’każ li l-President Maduro ma kellux iħabbar elezzjonijiet ġodda għall-Presidenza ta’ pajjiżu sal-lejla.

Il-Ministru ta’ Franza responsabbli mill-Affarijiet Ewropej, Nathalie Loiseau, qalet li f’każ li Maduro jibqa’ lura minn dan, Franza għandha tikkunsidra lil Guaido bħala ‘il-mexxej leġittimu biex jorganizza l-elezzjonijiet (minflok Maduro)’ Dan meta Franza tkun lesta li tiddjaloga ma’ Guaido fuq livell ta’ President sakemm isir dan il-proċess, fuq livell presidenzjali.