Edukazzjoni Lokali

It-telqa u l-abbandun fl-Edukazzjoni issa qed jinħassu sew

Varist se jkollu jibqa’ fil-kriżi li ħoloq fl-Edukazzjoni

Kemm-il darba Kastilja se ddawwar id-deċiżjoni tagħha dwar l-għażla għall-Presidenza ta’ Malta li oriġinarjament kienet iffukata fuq il-Ministru Evarist Bartolo, iżda issa hemm min qed jgħid li għandu jinħatar l-eks Ministru George Vella, allura l-istess Evarist Bartolo se jissokta jkun iffastidjat kif kien matul dawn l-aħħar ġimgħat.

Kienet din il-gazzetta li ftit tal-ġimgħat ilu żvelat kif il-Ministru Evarist Bartolo kien indikat minn Kastilja bħala s-suċċessur ta’ Marie-Louise Coleiro Preca fir-rwol ta’ President ta’ Malta minn Mejju li ġej. Tant li saru arranġamenti biex anki s-Sinjura Bartolo tintbagħat Londra għal taħriġ f’ċerti oqsma tad-Diplomazija.

Minn reċenti jidher li l-pjani ta’ Kastilja bdew jiċċaqilqu u beda jissemma mill-ġdid it-Tabib George Vella li skont ta’ madwaru diġà kien skartat minn Kastilja ħames snin ilu għal tali kariga.

Jirriżulta li Evarist Bartolo, imwebbel għall-kariga ta’ President, aktar kien qiegħed jiffoka f’dan ir-rwol partikulari tant li anki l-aktar persuni qribu kienu bdew kuntatti fejn setgħu jdabbru rashom.

Biex jilqa’ għal dan kollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat din il-ġimgħa mar jiġri fuq TVM biex jgħid li d-deċiżjoni dwar min se jkun il-President li jmiss għadha ma tteħditx. Dan f’tentattiv li ma teskalax il-ġlieda ma’ Evarist Bartolo hekk kif il-gazzetta MaltaToday ħabbret li se jkun George Vella l-President li jmiss.

Fi ftit kliem Evarist Bartolo issa hu litteralment iffastidjat u riflessjoni ta’ dan hi t-telqa fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Biżżejjed illum nelenkaw biss erba’ setturi li jixhdu din it-telqa, li qed tammonta fi kriżi fl-edukazzjoni.

 

Il-Gvern ifalli milli jinvestiment fil-professjoni tal-għalliema

L-għalliema jemmnu u qed iħossu li l-Gvern jenħtieġ li immedjatament jibda jagħmel strateġija nazzjonali biex jattira numru ikbar ta’ kandidati motivati bi sfond akkademiku jew professjonali sod u b’kompetenzi pedagoġiċi għall-professjoni tat-tagħlim.

Fil-jiem li għaddew l-Union tal-Għalliema (MUT) ħarġet dikjarazzjoni biex tesprimi t-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta’ strateġija nazzjonali biex tattira ż-żgħażagħ għall-professjoni tal-għalliema.

Mhux aċċettabbli li l-Gvern qed jintroduċi tlettax-il suġġett addizzjonali mis-sena akkademika li jmiss mingħajr ma jkun ċert dwar id-disponibbiltà tal-għalliema. Dan hu inġust fuq l-iskejjel, l-amministraturi, l-għalliema u l-istudenti li se jkollhom jiffaċċjaw l-istress kollu.

Dan juri nuqqas ta’ ppjanar fit-tul mill-Gvern fil-qasam tal-edukazzjoni. Il-Gvern hu konxju tal-problema u fil-fatt diġà kien hemm każijiet fejn kellu jagħmel użu mill-istudenti bħala għalliema għax ma ppjanax sew.”

Hemm qbil li l-Gvern jeħtieġ jieħu azzjonijiet konkreti biex itejjeb l-istatus tal-għalliema, inkluż li jipprovdi aktar opportunitajiet professjonali u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi jżid il-paga tal-għalliema u jassigura s-sigurtà u l-protezzjoni tagħhom fl-iskejjel.

Dan hu ta’ importanza fid-dawl ta’ studju ppubblikat riċentement mill-MUT li juri li 87.4 fil-mija ta’ dawk li wieġbu kienu esperjenzaw aggressjoni fl-iskejjel tagħhom. 23 fil-mija ddikjarawha li dan seħħ kuljum filwaqt li 23fil-mija oħra qalu li jesperjenzaw dan ta’ kull ġimgħa. Il-Gvern għandu jipprovdi wkoll lill-għalliema appoġġ li jinkludi programmi ta’ mentoring u l-iskambju tal-aħjar prattiki.

L-għalliema jiggarantixxu tagħlim ta’ kwalità. Il-ħiliet u l-effettività tagħhom huma l-bażi tas-sistema edukattiva u għalhekk il-Gvern m’għandu l-ebda għażla oħra ħlief li jinvesti ħafna aktar fil-professjoni mingħajr aktar dewmien qabel ma jkun tard wisq.

Il-Gvern ifalli fl-iskema tat-tqassim tal-frott u l-ħaxix lill-istudenti

Sfortunatament hemm telqa wkoll fir-rigward tal-iskema tat-tqassim tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel lill-istudenti. Għal darb’oħra spiss qed ikunu l-każijiet fejn studenti qed jingħataw frott u ħaxix skadut, qares jew imħassar.

Din kienet skema li kienet iddaħħlet b’suċċess minn Gvern Nazzjonalista biex jitkattar it-tagħlim ta’ dieta li tkun nutrijenti u tajba. Dan l-isforz nazzjonali iżda se jispiċċa ma jilħaqx l-għan tiegħu, għaliex il-Gvern kien ilu jkaxkar saqajh biex jerġa’ jintroduċi din l-iskema mmirata lejn il-benesseri tal-istudenti. Aktar kmieni din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea stess kienet saħansitra ċanfret lill-Gvern Laburista li kien qed ikaxkar saqajh biex ikompli bl-iskema tat-tqassim tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel.

Għalkemm l-iskema hi ffinanzjata b’fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Gvern għażel li jinjora għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet li sarulu biex il-frott u l-ħaxix li jitqassam lill-istudenti jkun prodott lokali, biex ikun l-iżjed frisk possibbli. Filwaqt li din id-deċiżjoni ħalliet impatt negattiv fuq il-bdiewa lokali, l-istudenti qed jispiċċaw jingħatalhom frott imnawwar u ħaxix ħażin f’kontenituri tal-plastik li ma jistax jiġi riċiklat.

Dan kollu juri li l-iskema tal-frott u l-ħaxix iddaħħlet bl-għaġla u mingħajr pjan min-naħa tal-Gvern, li issa qed juri biċ-ċar li m’għandux interess li jinvesti bis-serjetà fl-iskejjel u l-istudenti. Il-Gvern daħħal b’għaġla l-iskema tat-trasport b’xejn lill-istudenti, liema skema għadha qed tiffaċċja d-diffikultajiet sal-lum u waqaf milli jinvesti fl-iskejjel hekk kif sena wara sena flok jibni skola ġdida qiegħed kull sena jipposponi l-bini ta’ skola ġdida.

Il-Gvern ifalli fit-trasport ipprovdut lill-istudenti

Minkejja li issa bdejna Frar u ninsabu fit-tieni term ta’ din is-sena skolastika, il-Gvern għadu ma sabx soluzzjoni biex kull tifel u tifla jkollhom it-trasport b’xejn kif imwiegħed ħalli jitwasslu lejn l-iskola u wara jitwasslu lura lejn id-dar tagħhom.

Sa ftit tal-ġimgħat ilu biss kien hemm għadd konsiderevoli ta’ studenti li kienu għadhom mingħajr servizz organizzat ta’ trasport għall-iskejjel. L-istess Ministru Evarist Bartolo kkonferma dan u saħansitra f’okkażjoni minnhom wera s-solidarjetà tiegħu ma’ studenti li kienu dabbru ħalba xita waqt li kienu qed jistennew biex suppost jittieħdu l-iskola.

Fit-22 ta’ Settembru li għadda, 829 tifel u tifla mill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti kienu għadhom mingħajr trasport. Ftit inqas minn xahar wara, il-Ministru qal li minn dawn inqdew madwar 300, iżda issa għad fadal numru ta’ studenti li għadhom jistennew servizz effiċjenti ta’ trasport.

Sadattant ħafna u ħafna huma l-istudenti li biex jinqdew b’dan is-servizz qed ikollhom iqumu fil-5am jew qabel. Dan barra l-fatt li hemm tfal li qed jitwasslu lura d-dar wara l-iskola meta kważi jkun dalam. Dan mhu xejn għajr moħqrija.

Minkejja kollox sa issa l-Gvern ma kienx kapaċi jsolvi din il-kwistjoni tant importanti, bit-tfal ikomplu jkunu vittmi ta’ din in-nuqqas ta’ organizzazzjoni min-naħa tal-Gvern.

Il-Gvern ifalli milli jagħti fil-ħin l-istipendju lill-istudenti tal-MCAST

Għad fadal għadd ġmielu ta’ studenti tal-MCAST li sal-lum għadhom ma ħadux l-istipendju intitolat lilhom.

Fi stqarrija reċenti bi tweġiba għal rapporti li dehru fil-midja, l-MCAST ikkonferma li xi studenti għadhom ma ħadux l-istipendju, uħud minnhom (1 fil-mija) għax “għad trid tittieħed deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà tagħhom” u oħrajn (11 fil-mija) għax skont l-MCAST l-istudenti għadhom ma għaddewx l-informazzjoni addizzjonali mitluba minnhom “u għalhekk id-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà ma tistax tittieħed.”

Fi kliem qasir, dan ifisser li wieħed minn kull għaxar studenti fl-MCAST ilu minn Ottubru bi problemi fl-istipendju.

Ġenituri li tkellmu magħna qalulna li t-tfal tagħhom ilhom minn qabel il-Milied li għaddew l-informazzjoni li ġew mitluba mill-Kulleġġ. Iżda sal-lum, din l-applikazzjoni għadha qed tiġi proċessata.

L-MCAST qal ukoll li wara diversi diskussjonijiet bejn l-MCAST u l-MUT, il-kwistjonijiet li wasslu għad-direttivi qed jiġu indirizzati bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni pożittiva kemm jista’ jkun malajr, biex fost oħrajn il-proċess tal-assessjar jerġa’ lura għan-normal.