Lokali

Joseph Muscat imgiddeb mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien imgiddeb mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema kontroversjali tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija lill-barranin.

Biex jipprova jnaqqas il-ħsara li din l-iskema qed tkompli tagħmel lir-reputazzjoni ta’ Malta, Joseph Muscat qal li l-Kummissjoni Ewropea tat appoġġ bil-miktub għall-iskema ta’ bejgħ tal-passaporti kif titħaddem minn Malta.

Hu kien qed jirreaġixxi għal rapport tal-Kummissjoni Ewropea li f’rapport speċifiku dwar l-iskemi tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, kkritikat l-iskema tal-Gvern Malti, fost oħrajn, minhabba nuqqas ta’ sigurtà u trasparenza, kif ukoll għall-fatt li kif inhi, qed tiftaħ il-bieb għal min irid jaħsel il-flus.

Id-dikjarazzjoni ta’ Joseph Muscat kienet imgiddba b’mod ċar u tond mill-Kummissarju Ewropew Vera Jourova li għamlitha ċara li l-Kummissjoni Ewropea ma taqbilx ma’ skemi simili.

Hi kienet qed tirrispondi għal mistoqsija li saritilha mill-Membru Parlamentari Ewropea Roberta Metsola waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew.

L-istess kelliema għall-Kummissjoni Ewropea li, meta kienet qed twieġeb għal mistoqsijiet ta’ The Sunday Times of Malta, stqarret li l-Kummissjoni qatt m’approvat l-iskema li jħaddem pajjiżna.

Tant hu hekk li l-Kelliema tal-Kummissjoni Ewropea kompliet li għadu qed isir assessjar tal-iskema ta’ Malta u pajjiżi oħra biex isir magħruf jekk dawn hux jimxu mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.