Internazzjonali

L-Indja: Imutu f’inċident bil-ferrovija f’Bihar

Tal-anqas seba’ passiġġieri tilfu ħajjithom meta ferrovija li kienet qed tivvjaġġa lejn Delhi qabżet il-linji u nqalbet f’inħawi fl-Istat ta’ Bihar, lejn il-Lvant tal-pajjiż.

Il-Ministeru Indjan responsabbli mill-Ferroviji qal li mal-ħdax-il vagun tas-Seemanchal Express ‘tqabbżu mil-linji’ waqt l-inċident li seħħ viċin stazzjon tal-ferrovija xi 50 kilometru ’l bogħod minn Patna, il-kapitali ta’ Bihar. Aktar ’il quddiem kienu kkonfermati numru ta’ midruba fl-inċident.

Is-sistemi tal-ferroviji fl-Indja, li fil-parti kbira jmorru lura għall-era kolonjali, għandhom rekord tas-sigurtà ħażina ferm, bl-infrastruttura relatata ilha għexieren ta’ snin tbati min-nuqqas ta’ investiment.