Lokali

“Meta tgħid li ma tridx barranin, qisek qed tgħid li ma tridx pensjoni” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li pajjiżna għadu bla pjan dwar kif se jilqa’ għall-isfidi li qed iġġib magħha l-popolazzjoni dejjem ikbar ta’ barranin f’pajjiżna.

Waqt diskors politiku f’Birkirkara, il-mexxej Laburista elenka lista ta’ sfidi li ġab miegħu l-influss ta’ 38,000 ħaddiem barrani fl-aħħar tliet snin.

Iżda fl-istess waqt ammetta li l-pjan tal-Gvern hu li jkompli jżid il-barranin f’Malta … pjan li kien diġa kixfu ġimgħa ilu l-Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus, Clyde Caruana meta qal li matul din is-sena hemm bżonn jiġu 13,000 ħaddiem ieħor minn barra minn Malta.

Dan fl-istess waqt li waħħal fl-anzjani, li qed jgħixu iktar, u li allura għandhom parti mit-tort li l-popolazzjoni ta’ Malta qed tikber.

Imma fl-istess waqt Joseph Muscat ammetta wkoll li għadna bla pjan dwar il-futur tal-pensjonijiet f’Malta, tant li ddikjara li l-uniku ħsieb li għandu hu li jkompli jġib il-barranin biex iħallsulna l-pensjonijiet.

Fl-istess waqt, iż-żieda tal-barranin f’Malta se tkompli żżid il-kirjiet f’Malta, bil-Prim Ministru jammetti li din hi problema imma fl-istess waqt jgħid lil dawk li qed ibatu li jekk iridu t-tajjeb, iridu jsofru wkoll mill-ħażin.

Żieda fil-popolazzjoni, li hi l-unika mod kif dan il-Gvern qed jipprova jkompli jkabbar l-ekonomija, li qed iġġib ukoll kwalità ta’ ħajja agħar f’pajjiżna.

Skont l-aktar studju reċenti li sar dwar il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna minn Expat Outsider, Malta qegħda kull ma jmur tiżżerżaq l-isfel fl-Indici internazzjonali…u li Malta m’għadhiex serena bħal qabel.

Dan jixhed ukoll minn kliem Joseph Muscat li jammetti li ż-żieda fil-popolazzjoni wasslet biex fost oħrajn kerraħna l-ambjent tat-toroq f’Malta.

Imma fl-istess waqt, Joseph Muscat qed ikompli jgħaddas rasu u l-Gvern Laburista jqassam bix-xejn l-art tal-poplu għal iktar żvilupp massiċċ. Fost oħrajn bl-art li ngħatat lill-Grupp tal-Corinthia biex jibnu f’San Ġilajn meta għall-inħawi għadu lanqas hemm masterplan.

Joseph Muscat jammetti li l-ekonomija jaf ikabbarha biss bil-popolazzjoni

Joseph Muscat illum ammetta li l-uniku mudell ekonomiku li għandu l-Gvern Laburista huwa li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni. Dan huwa Gvern bla pjan li mhux qed jindirizza l-problemi li qed iġib b’idejh stess biż-żieda fil-popolazzjoni, li qed tħalli impatt negattiv fuq bosta setturi fosthom it-trasport, l-infrastruttura u l-ambjent.

Li mhux qed jgħid Joseph Muscat huwa li t-tkabbir ekonomiku bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni qed iħalli effett ukoll fuq il-pagi. Kienet il-konsulenta tiegħu stess Yana Mintoff li qalet kif qed jiżdied il-prekarjat f’pajjiżna minħabba dan il-mudell ekonomiku. Imma għal Joseph Muscat il-ħaddiema barranin qegħdin hawn biss biex iħallsu l-bolla.

Flok ifassal pjan fit-tul, Joseph Muscat qed jibqa’ jippersisti biż-żieda fil-popolazzjoni li qed tħalli impatt negattiv ukoll fuq il-kirjiet meta hawn 3,200 li għadhom qed jistennew li jkollhom saqaf fuq rashom.