Internazzjonali

Theresa May ‘determinata’ li l-Brexit isir f’Marzu

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li hi ‘determinata’ biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea fiż-żmien stabbilit – jiġifieri matul il-lejl tal-Ġimgħa, id-29 ta’ Marzu. Dan ladarba jiskadi l-limitu ( ta’ sentejn) dwar in-negozjati għall-Brexit infurzati mill-proċess tal-Artiklu 50.

Hi qalet dan qabel isiru taħditiet ġodda rigward il-kwistjoni tal-backstop tal-Irlanda — b’May, permezz ta’ artiklu fis-Sunday Telegraph, issostni ‘il-ħsieb tagħha biex tirritorna fi Brussell ( għal negozjati mal-UE) b’mandat u ideat ġodda, minbarra sens akbar ta’ determinazzjoni’.

Id-deputati fil-House of Commons Britanniku vvutaw biex ifittxu ‘arranġament alternattiv’ li jaċċerta li l-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq ( taħt l-amministrazzjoni ta’ Londra) tibqa’ miftuħa wara l-Brexit. Iżda l-Viċi-Prim Ministru Irlandiż, Simon Coveney, qed jgħid li ‘ma jeżistu l-ebda arranġamenti kredibbli’ għall-proposta.

Coveney, permezz ta’ artiklu fis-Sunday Times ta’ Londra, kiteb li ‘l-UE mhix se terġa’ tinnegozja l-ftehim għall-Brexit’ u li ‘mhux se jsir ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr il-backstop’. Hu kompla li l-backstop hu meħtieġ ‘biex jaċċerta li jibqa’ rispettat il-Ftehim tal-Ġimgħa Kbira storiku li kkonkluda 30 sena ta’ rewwixta armata fl-Irlanda ta’ Fuq’.

Madankollu, il-Ministru Britanniku għall-Kummerċ Internazzjonali, Liam Fox, qal li hi ‘irresponsabbli’ għall-UE u r-Repubblika tal-Irlanda li jgħidu li mhumiex se jiddiskutu bidliet għall-backstop fil-ftehim għall-Brexit.

Fox qal li d-diskussjoni għal mezzi alternattivi biex jevitaw hard border mal-fruntiera hi aktar importanti għall-Irlandiżi. Hu spjega wkoll li no-deal Brexit iħalli impatt fuq l-ekonomija tal-UE u li ma jaħsibx li hi ‘ħaġa responsabbli’ jekk il-kelliema fi Brussell jindikaw li jippreferu sitwazzjoni fejn ma jseħħx il-ftehim għall-Brexit.

Il-backstop jifforma parti integrali mill-ftehim għall-irtirar li nnegozjaw ir-Renju Unit u l-UE u jaħseb biex il-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża tibqa’ miftuħa ‘u mhux suġġetta għall-kontrolli riġidi’ wara l-konklużjoni tal-Brexit.

Ftit tal-jiem ilu, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Jeremy Hunt, kien indika l-possibbiltà ta’ ‘aktar żmien’ biex il-leġislazzjoni kritika relatata għall-Brexit tgħaddi mill-Parlament ta’ Londra.

Iżda Theresa May, issa, qed tinsisti li d-data tal-ħruġ mill-UE ma nbidlitx u li ‘il-proċess tal-Brexit se jżomm mal-ħin u ż-żmien stabbilit’