Lokali

Bżonn ta’ President li jgħaqqad – Adrian Delia

"Muscat għandu jservi ta' pont biex itaffi l-qasma politika"

F’artiklu fil-ġurnal MaltaToday, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Joseph Muscat għandu jagħmel dak li għamel Lawrence Gonzi u jservi ta’ pont fil-qasma politika li kompliet tikber fl-aħħar ħames snin.

Hu faħħar il-mod umli u enerġetiku li bih serviet fil-Presidenza Marie Louise Coleiro Preca, u qal li bħal f’kull demokraziji Parlamentari, ir-rwol tal-President hu kemmxejn limitat. Madankollu, jkompli jgħid li minkejja n-nuqqas ta’ saħħa eżekuttiva, il-President jirrappreżenta l-kuxxjenza tan-Nazzjon u huwa l-boxxla morali tal-poplu Malti u Għawdxi.

Adrian Delia kompla jgħid li kull President għamlilna unur, minn Sir Anthony Mamo sa Marie Louise Coleiro Preca u elenka lista ta’ preġji u valuri li ħaddan kull President waqt li kien fl-Uffiċċju.

Kompla jispjega kif mill-1976 sal-2009, il-President kien dejjem magħżul minn fost persuni qrib il-Gvern, iżda fl-2009 il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien mar lill hinn minn din il-prassi u minflok ħatar lil George Abela, li sa dak iż-żmien kien Viċi Kap tal-Partit Laburista. Fl-2014, l-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil ivvutat favur in-nomina ta’ Marie Louise Coleiro Preca.

Wara li fl-2013 Joseph Muscat kien wiegħed li jaħdem ma’ kulħadd, irrispettivament mit-tweemin politiku, wieħed kien jippretendi li jżomm kelmtu, iżda kif nafu, prattikament dawk kollha li kellhom xi pożizzjoni eżekuttiva twarrbu biex minflok saru ħatriet politiċi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal filwaqt li amministrazzjoni Nazzjonalista żammet persuni li kienu appuntati minn Alfred Sant wara l-1998, dawn kienu kapaċi jaħdmu f’mod korrett u etiku,mingħajr biża jew favur. Għall kuntrarju ta’ dan, fl-2013 sar eżerċizzju ta’ tkeċċijiet fuq bażi ta’ twemmin politiku.

Adrian Delia temm l-artiklu billi qal li minkejja li Joseph Muscat irnexxielu jġib bidla soċjali, hu falla bil-kbir milli jġib l-akbar bidla. Dik tal-għaqda politika. Adrian Delia għalaq l-artiklu hekk “Issa huwa ż-żmien. Dan il-pajjiż hu taghna lkoll”.

Ikkummenta