Ambjent Lokali Parlament

Il-Gvern jirrifjuta li jippubblika l-MoU dwar l-art f’San Ġiljan… jopponi laqgħa oħra b’aktar xhieda

– Il-Ministru Konrad Mizzi jsostni li l-kuntratt mal-Corinthia qed jinbidel

Il-Gvern irrifjuta li jippubblika l-Memorandum of Understanding (MOU) mal-Corinthia Group dwar l-iżvilupp propost f’Pembroke. Dan seħħ fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp li qed jiltaqa’ bħalissa. Il-membri tal-Gvern qed jopponu bil-qawwa li jkun hemm laqgħa oħra li fiha jkun hemm iktar xhieda dwar dan il-kuntratt kontroversjali.

L-Oppożizzjoni qed tkun rappreżentata mid-deputati Jason Azzopardi, Marthese Portelli, Karol Aquilina, Ryan Callus, Hermann Schiavone, Toni Bezzina u Kristy Debono waqt li l-Gvern kien rappreżentat mill-Ministru Konrad Mizzi, il-Ministru Josè Herrera u d-deputat Robert Abela. Il-Kumitat hu mmexxi mid-deputat Laburista Alex Muscat.

Jason Azzopardi qal li d-diskussjoni trid tkun konkreta u għalhekk il-kuntratt hu element importanti. Għalhekk l-Oppożizzjoni għandu jkollha f’idejha d-dokumenti l-MOU – li wassal għall-kuntratt. Dan l-MOU jagħti lok għal ċertu affarijiet u għandu sinifikat kbir. Dan għandu jkun aċċessibbli għalina, sostna Jason Azzopardi.

Iċ-Chairman qal li l-kuntratt se jkun diskuss fil-Kumitat tal-Verifika fejn se ssir id-diskussjoni.

Il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern m’għandux diffikultà jippubblika fil-mument opportun. Hu kompla li bħalissa qed jififnalizza mal-konsorzju.

Id-deputat Laburista Robert Abela kompla li llum m’hemmx abbozz finali tal-kuntratt u hekk kif dan ikun pubblikat dan jiġi diskussjoni quddiem il-Kumitat tal-Verifika. Hu qal li l-Gvern se jgħaddi kopja tal-kuntratt lill-Parlament għaliex dan hu li jgħodd legalment.

Id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli sostniet li hi konvinta li l-MOU iffirmat żgur li fih il-klawsoli li jiddeterminaw x’se jsir u allura għandu impatt dirett fuq l-ambjent u l-ippjanar. X’hemm daqstant sigriet? staqsiet id-deputat Nazzjonalista.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-MOU ma marx quddiem il-Kumitat tal-Verifika u allura ma jistax ikun pubbliku jekk ma jippubblikaħx il-Ministru Mizzi. Hu qal li bħaissa l-MOU jgħodd bejn il-gvern u l-iżviluppatur.

Iċ-Chairman id-deputat Laburista Alex Muscat qal li hu ma jistax jilbes iż-żarbun taċ-Chairman tal-Kumitat tal-Verifika. Hu sostna li dan mhux il-lok u l-mument opportun li jkun pubblikat l-MOU.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa minn fejn ġiet il-pożizzjoni li l-pubblikazzjoni tkun kontra r-regoli. Hu insista mal-Ministru Mizzi biex jiddikjara meta se jkun pubblikat l-MOU.

Id-deputat Laburista Robert Abela qal li hu se jwieġeb il-mistoqsija bil-Ministru Konrad Mizzi jirrimarka li issa qed jitlef il-paċenzja. Robert Abela qal li ċ-Chairman qed jimxi skont il-liġi biċ-Chairman qal li hekk kif saritlu t-talba hu talab parir mingħand l-Ispeaker.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u se jkun pubblikat għaliex il-kuntratt se jkun imtejjeb. Hu ebda jagħmel preżentazzjoni dwar il-kuntratt mal-Corinthia u qal li l-gvern qed jiddiskuti t-tħassib li ntwera dwar dan il-kuntratt.

Il-kuntratt irid ikun ikkunsidrat fil-kuntest tat-tkabbir tat-turiżmu, sostna l-Ministu Konrad Mizzi, li tratta d-dettalji tal-ftehim. Hu qal li l-Corinthia jaqblu li ma jkunx hemm riklamazzjoni ta’ art u li ma jagħmlux talba biex din issir, li 50% mis-sit jibqa’ iffukata fuq it-turiżmu u żoni għall-pubbbliku, li l-proġett ikun mibni f’fażijiet u li ma jkunx hemm iktar minn 25,000 metru wkardu ta’ appartamenti. Il-proġett se jkun mifrux fuq 25 sena, li l-Corinthia ma jistgħu jbiegħu parti mill-proġett u li jsir kumitat ta’ verifika.

Jason Azzopardi qal li proġett fuq 25 sena se joħloq diffikultajiet kbar għar-residenti u staqsa jekk sarux studji dwr l-ambjent u t-traffiku. Hu staqsa dwar it-torrijiet sa 21 sular li se jibnew u kif dawn jeffettwaw iż-żona kollha. Il-valur ta’ €700 miljun iżda il-gvern se jdaħħal €52 miljun biss, li jammontaw biss meta u jekk jinfeda ċ-ċens. Il-Gvern se jdaħħal €17-il miljun bil-privat jagħmel depożitu ta’ €1 miljun.

Fil-Kumitat ipparteċipaw rappreżentanti tal-pubbliku li għamlu diversi mistoqsijiet marbuta mal-proġett u mal-aspett residenzjali u turistiku.

Il-Ministru Mizzi baqa’ jiddefendi l-proġett u qal li mhux se jkun hemm 12-il torri fil-proġett għalkemm l-estika tal-proġett se jkun deċiż mill-ERA. Wara 99 sena l-art terġa’ tgħaddi għand il-gvern ħlief għar-reżidenzi. Hu qal li l-Gvern qed jiddiskuti l-ogħli tat-torrijiet fil-proġett iżda ma weġibx x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-parametri li għandu l-gvern f’dan il-kuntest. Il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern qed jagħmel Pjan ta’ Tisbiħ għal Paceville.

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono tkellmet dwar l-importanza li ż-żona tibqa’ waħda marbuta mat-turiżmu ta’ kwalità u għalhekk il-proposta tal-gvern li jinbnew it-torrijiet għall-akkomodazzjoni hi kontradizzjoni mal-proġett. Hi appellat lill-gvern biex ikollu viżjoni fit-tul dwar din iż-żona u biex ikun ċar jekk sarx impatt dwar il-proġett fil-kuntest taż-żona. Hemm ukoll il-problema tan-nuqqas ta’ level playing field bejn l-iżviluppaturi fiż-żona fejn dwar dan il-proċess lanqas inħarġet offerta. Kristy Debono sostniet li dan il-proġett qed jibdel il-ġeneru taż-żona.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ppropona li issir laqgħa oħra tal-Kumitat li jinġiebu s-Sur Pisani ta’ Corinthia Group, is-sindki ta’ Pembroke u San Ġiljan, il-Ministru Ian Borg, il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Artijiet, tal-ERA u tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta u l-konsulenti li rrifera għalihom il-Ministru Mizzi.

Id-deputat Laburista Robert Abela oġġezzjona li jkun hemm aġġornament tal-laqgħa waqt li ċ-Chairman Alex Muscat qal li hemm ruling tal-Ispeaker li waqqaf id-diskussjoni f’ċirkostanzi oħra. Hu qal li jrid li l-laqgħa tagħlaq illum waqt li l-membri tal-Oppożizzjoni nsistew li jkun hemm lqgħa oħra fejn jinġiebu iktar xhieda.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-abbozz tal-kuntratt se jinbidel ħafna u għalhekk l-ewwel għandu jitlesta l-abbozz qabel isiru iktar diskussjonijiet. Dawn għandhom isiru wara li jitlestew id-diskussjonijiet.

Id-deputat Nazzjonliata Jason Azzopardi ppropona li terġa’ issir diskussjoni fil-Kumitat wara li l-Ministru Konrad Mizzi jlesti d-diskussjonijiet mal-Corinthia. Iċ-Chairman qal li l-proċedura hi li l-kumitat jimxi skont ruling tal-Ispeaker f’każi preċenedenti u sostna li se jkun hemm possibbiltà li l-Kumitat tal-verifika jiddiskuti dan il-kuntratt.

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li kien hemm diskussjonijiet iżda ma kienx hemm qbil. Għalhekk l-Oppożizzjoni qed issotni t-talba li l-Kumitat jaġġorna għal ġimgħa oħra fit-tkomplija tal-aġenda iżda l-Gvern mhux jaqbel ma’ dan.

Iċ-Chairman ippropona li d-diksussjoni titkompla fil-Kumitat tal-Verifika u wara fil-parlament. Quddiem dan il-kumitat, din is-diskussjoni titkompla jekk jinbidel il-Pjan Lokali iżda jekk l-Oppożizzjoni tħoss li hemm bżonn iktar diskussjonijiet hemm proċedura parlamentari li tista’ issir permezz ta’ talba lill-Ispeaker.

Karol Aquilina staqsa jekk il-gvern jaċċettax dik it-talba iżda d-deputat Laburista Robert Abela qal li m’għandhomx ikunu ivvintati proċeduri ġodda. L-Oppożizzjoni talbet vot dwar il-proposta tagħha.

Iċ-Chairman qal li l-kwistjoni għandha tkun riferuta lill-Ispeaker għal deċiżjoni.

Jason Azzopardi qal li l-ewwel għandu jittieħed vot fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni għal aġġornament tal-kumitat u wara fuq l-emenda tal-Gvern. Id-deputat Laburista Robert Abela qal li għandha tkun segwita l-proċedura li adotta l-PAC fl-aħħar laqgħa tiegħu u jiddeċiedi l-Ispeaker.