Knisja Lokali

Il-Kurja l-ewwel kontributur fil-Fond għal Solidarjetà Volontarja

L-Arċidjoċesi ta’ Malta hi l-ewwel kontributur fil-Fond għal Solidarjetà Volontarja, li għadu kif tnieda anke f’pajjiżna.

Il-Fond hu wieħed internazzjonali u twaqqaf fl-2017 fl-Ingilterra wara ħidma fi ħdan il-Fondazzjoni Pontifiċja Centesimus Annus, imnebbħa mill-appell tal-Papa Franġisku, biex ikun ta’ għajnuna għal dawk li jinsabu f’riskju li jaqgħu lura fl-isfidi biex isiru aktar produttivi.

It-tnedija tal-Fond f’pajjiżna saret waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea Curmi, l-eks Gvernatur tal-Bank Ċentrali u Chairman tal-Bank Malti tal-Iżvilupp, il-Professur Josef Bonnici, u t-Teżorier Mario Galea.

F’kumment lil NET News, l-Isqof Awżiljarju qal li l-impenn tal-Arċidjoċesi b’€5,000 f’Fond bħal dan juri l-impenn tal-Knisja f’Malta b’risq dawk l-aktar fil-bżonn.

Monsinjur Joseph Galea Curmi kompla li b’għajnuna bħal din, il-Knisja tara li tgħin lill-bniedem iħares ‘il quddiem f’ħajtu. Spjega li fil-ħidma soċjali tagħha, il-Knisja ma tista’ qatt tieħu post il-Gvern jew entitajiet oħra, iżda hi ħolqa importanti oħra fil-katina ta’ għajnuna.

Min-naħa tiegħu, il-Professur Josef Bonnici spjega li l-Fond se jkun qed jipprovdi mezz kif persuni jaqilgħu l-għajxien tagħhom billi jingħataw il-qasba proverbjali biex wieħed jitgħallem jistad aktar milli l-ħuta mingħajr ma jitgħallem.

Kien għalhekk li hu appella lil dawk li jaqilgħu aktar milli meħtieġ għal ħajja komda biex jikkontribwixxu b’mod volontarju għal dan il-Fond.

Il-Fond se jitħaddem minn Bord ta’ Amministraturi ffurmat mill-Professur Bonnici u minn Mario Galea, kif ukoll mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Michael Pace Ross.