Internazzjonali

Il-Papa fl-Emirati Għarab: Taħditiet fost tamiet għat-tkattir tal-paċi

Il-Papa Franġisku , iltaqa’, f’Abu Dhabi, mal-mexxejja ewlenin tal-Emirati Għarab Magħquda fost tamiet li ż-żjara storika tiegħu tgħin għat-tkattir ta’ paċi permezz tad-djalogu reliġjuż.

Il-Kap tal-Kattoliċi – li wasal fl-Emirati tard fil-lejl tal-Ħadd — kellu taħditiet privati mal-Prinċep ta’ Abu Dhabi, Mohammed bin Zayed al-Nahyan u mexxejja oħra tal-Emirati; biż-żjara tiegħu anki qed tintlaqa’ b’mod pożittiv minn sezzjonijiet tal-istampa fl-Arabja Sawdija, is-sede tal-Islam u li ma tippermettix knejjes għall-Kristjani f’artha.

Intant, iż-żjara tal-Papa hi wkoll sinifikanti għaliex qed issir ‘taħt id-dell’ tal-gwerra fil-Jemen, fejn il-militar tal-Emirati jaqdi rwol fil-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi li qed tappoġġja lill-Gvern ( tal-Jemen) rikonoxxut kontra r-ribelli Houthi alleati mal-Iran.

L-istennija kbira fl-Emirati, intant, kienet għad-diskors pubbliku li l-Papa kien qed iħejji għal waqt laqgħa għar-rappreżentanti tad-diversi denominazzjonijiet reliġjużi.

L-Emirati Għarab huma fost l-anqas zoni restrittivi tal-Golf għad-devozzjoni Kristjana, li hi permessa f’kumplessi tal-knisja bil-liċenzji speċjali. Intant, l-Emirati, bħall-Istati l-oħrajn tal-Golf, ma tippermettix li jsiru l-laqgħat reliġjużi mhumiex sanzjonati.