Lokali

Il-Partit Nazzjonalista bi proposti konkreti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer

Fil-Jum Dinji kontra l-Kanċer, il-Partit Nazzjonalista qed iressaq proposti konkreti sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra din il-marda, u jinsab determinat li jagħti s-sehem kollu tiegħu biex il-kanċer jingħeleb filwaqt li għin lill-pazjenti u l-familji tagħhom u l-professjonisti fil-qasam mediku li jaħdmu b’dedikazzjoni kbira.

F’pajjiżna hawn 2,000 każ ta’ kanċer kull sena u 900 imwiet. Bosta jfiequ wkoll u jirnexxielhom jegħlbu l-kanċer. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista fassal 20 prosposta konkreta, li ġew imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum quddiem iċ-ċentru tal-Iscreening tal-Kanċer tas-Sider, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, l-MEP Francis Zammit Dimech u t-tabib Michael Asciak. Fost il-proposti konkreti tal-Partit Nazzjonalista fil-ġlieda kontra l-kanċer, u li se jiġi diskussi fid-dettall mal-istakeholders f’dan is-settur hemm li:

Għandu jsir population-based screening għall-kanċer tal-prostata. Filwaqt li l-pjan nazzjonali tal-kanċer jirreferi għal studju li jitlob il-bżonn ta’ aktar evidenza xjentifika fuq l-effettiva u l-cost-utility criteria, għandek ukoll opinjonijiet oħra u argumenti opposta li qed isiru fuq dan bħal pereżempju tal-European Association of Urology li tispjega kif il-kanċer tal-prostata hu fost l-aktar kanċer komuni fost l-irġiel fl-Ewropa (417,000 każ u 92,000 imwiet) u li evidenza ġdida qed tindika l-effikaċja tal-iscreening tal-kanċer tal-prostata.

Għandu jkun hemm taqsima speċjalizzat għall-kura tal-kanċer tas-sider tal-ogħla kwalità li jkun speċjalizzat biex joffri kura u servizzi relatati lill-pazjenti li jkunu milquta mill-kanċer tas-sider. Bħalissa f’Malta dawk li jinstabilhom il-kanċer tas-sider ilaħħqu mat-350 pazjent fis sena. Din it-taqsima għandha fost l-oħrajn tirrifletti l-linji gwida mħejjija mill-European Society of Breast Cancer Specialists (EUSOMA).

Għadu jkun hemm investiment akbar fir-riċerka, għaliex pajjiżna jinsab it-tielet mill-aħħar f’dan is-settur u jerġgħu joħorġu l-post-doc grants biex tkun faċilitata r-riċerka fil-qasam tal-kanċer fl-Università ta’ Malta. Ir-riċerka hi ċ-ċavetta biex negħlbu l-kanċer u pajjiżna għandu jagħti sehmu ukoll.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li jeħtieġ li nżidu screenings oħrajn li jsiru għal tipi differenti ta’ kanċer, li sfortunatament jinsabu fuq quddiemnett fil-lista tal-kanċer, li qed jolqtu lill-popolazzjoni. Huwa qal li għandhom jiżdiedu l-iscreenings li jsir b’sistema ta’ population based, biex jiġi faċilitat li l-kanċer jinstab fl-aktar stadju bikri, b’mod partikolari għall-kanċer tal-għonq tal-utru. Stephen Spiteri qal li hawn bżonn aktar sapport psikoloġiku speċjalizzat għat-tfal li jkollhom il-kanċer, il-ġenituri tagħhom u lis-staff. Hawn bżonn ukoll sapport għat-tfal. li xi ħadd mill-ġenituri tagħhom ikun qed jesperjenza l-kanċer, u għandu jiġi studjat kif dan is-servizz ta’ assistenza psikoloġika lit-tfal jingħata wkoll f’Għawdex.

L-MEP Francis Zammit Dimech qal li diġà ħa bosta inizjattivi f’dan il-qasam fosthom biex tkun riveduta direttiva sabiex jkun regolat il-livell permissibbli ta’ sustanzi li jikkawżaw il-kanċer fuq il-postijiet tax-xogħol u biex il-Pjattaforma Nazzjonali tal-Kanċer tissieħeb mal-Association of European Cancer Leagues Association sabiex dawn jaqsmu fl-imkien prattiċi tajbin u jkomplu joffru servizzi tal-aqwa kwalità lill-Maltin u l-Għawdxin. Huwa qal li stieden bosta għaqdiet Maltin għal laqgħat fi Brussell biex dawn jieħdu sehem attiv fit-tfassil tal-politika Ewropea dwar il-kanċer, u fl-aħħar jiem ġie varat manifest li jinkludi wkoll ideat tal-għaqdiet Maltin.

It-tabib Michael Asciak qal li l-Partit Nazzjonalista irid li jkun hemm aktar fondi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll nazzjonali li jiġu allokati f’attivitajiet u f’kampanji long-term li jqajmu kuxjenza, u li jgħinu fil-prevenzjoni fil-komunitajiet. Dan biex titqajjem kuxjenza akbar, u promozzjoni għall-benesseri fil-komunitajiet.

Stephen Spiteri u Francis Zammit Dimech qalu li f’nofs din is-sena, Il-Gvern għandu jagħmel stock take ta’ fiex wasal fil-miri li hu fassal (The National Cancer Plan 2017-2021) kif ukoll fuq il-mira li fi żmien 3 snin (2020) l-mediċini kollha tal-kanċer ikunu b’xejn b’komunikazzjoni mal-istakeholders kollha. Il-Parit Nazzjonalista ħa jkun qed ikompli b’sensiela ta’ laqgħat biex ikompli jibni fuq dawn il-proposti ma dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-pazjenti.