Nayib Bukele, l-eks-sindku ta’ San Salvador li mexxa kampanja kontra l-korruzzjoni, rebaħ l-elezzjoni għall-Presidenza ta’ dan il-pajjiż Latin Amerikan, mifni bil-vjolenza. Ir-rebħa hi partikularment sinifikanti għaliex ġabet fit-tmiem is-sistema taż-żewġ partiti li kienet ilha effettiva għal tletin sena fl-El Salvador.
Bukele, li għandu 37 sena, rebaħ b’54 fil-mija tal-voti, bir-rebħa tkun aktar konvinċenti meta wieħed iqis li hu rnexxielu jikseb aktar voti minn tal-kandidati l-oħrajn kollha fl-ewwel round. It-trijonf notevoli enfasizza l-frustrazzjoni tal-votanti rigward il-fallimenti ripetuti taż-żewġ partiti ewlenin biex irażżnu l-vjolenza u l-korruzzjoni fil-pajjiż.
Meta indirizza lill-partitarji tiegħu wara r-rebħa, Bukele qal li ‘dan kien jum storiku għall-El Salvador’ u li l-poplu ‘jista’ iħares lejn is-sistema (politika) falluta ta’ qabel bħala xi ħaġa tal-passat.’ Dan wara li l-partiti tradizzjonali – il-Front Farabundo Marti għal Liberazzjoni Nazzjonali (FMLN) u r-rivali konservattiv, Alleanza Nazzjonali Repubblikana (ARENA) – ammettew it-telfa fl-elezzjoni.
Bukele, issa, irid jikkonfronta t-theddid regolari tal-President Amerikan Donald Trump li qal li jista’ iwaqqaf l-għajnuna lill-El Salvador f’każ li l-pajjiż Latin ma jagħmilx aktar biex jikkontrolla l-immigrazzjoni lejn l-Istati Uniti.
//= $special ?>

