Id-distakk bejn Liverpool u Manchester City issa hu ta’ tliet punti wara li Liverpool kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra West Ham fl-Olympic Stadium. Dan id-draw kien it-tieni wieħed konsekuttiv għal Liverpool wara dak fost il-ġimgħa li għaddiet f’Anfield kontra Leicester. Bir-riżultat ta’ din il-logħba, issa reġgħu daħlu fit-taqtigħa Tottenham li jinsabu ħames punti wara Liverpool.
It-tim ta’ Jurgen Klopp fetaħ l-iskor wara 22 minuta. L-azzjoni bdiet fuq il-lemin b’ġest tekniku mill-isbaħ ta’ Adam Lallana li għadda lejn James Milner, bil-veteran Ingliż jitfa’ kross fil-baxx lejn Sadio Mane li għamel l-ispazju għalih u minn qagħda ideali ħdejn il-kaxxa ż-żgħira għeleb lil Lukasz Fabianski.
Reazzjoni immedjata ta’ West Ham li sitt minuti wara ġabu d-draw meta Michail Antonio ħasad lid-difiża ta’ Liverpool u rċieva passaġġ fil-baxx ta’ Felipe Anderson minn free-kick, biex b’xutt mill-ewwel fil-baxx ħalla lil Alisson Becker iħares.
Fit-tieni taqsima żiedet l-urġenza ta’ Liverpool li jiskorjaw il-gowl tar-rebħa, b’West Ham isofru ftit minkejja li baqgħu jissieltu. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, is-sostitut Divock Origi kellu ċ-ċans li jiskorja l-gowl tar-rebħa iżda t-tentattiv tiegħu kien salvat minn Fabianski.
//= $special ?>