Francesca Vassallo, mis-Sixth Form tal-Kulleġġ San Alwiġi, hija l-aħjar traduttriċi żagħżugħa Maltija għall-2019, u flimkien mar-rebbieħa minn kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE, issa se tivvjaġġa lejn Brussell biex tiġbor il-premju tagħha u tiltaqa’ mat-tradutturi professjonali tal-Kummissjoni Ewropea.
It-tradutturi għażluhom fost it-3,252 parteċipant ta’ din is-sena minn 751 skola fl-Ewropa kollha.
Ikkummenta dwar ir-riżultati tal-kompetizzjoni l-Kummissarju Günther H. Oettinger, inkarigat mill-Baġit, mir-Riżorsi Umani u mit-Traduzzjoni, qal: “Ninsab impressjonat bil-ħiliet lingwistiċi ta’ daż-żgħażagħ b’talent. It-tagħlim tal-lingwi hu kruċjali fis-soċjetà tal-lum. Il-lingwi jiftħu l-bieb għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol u jgħinu lin-nies jifhmu aħjar il-kulturi u l-pożizzjonijiet ta’ xulxin. Nawgura lir-rebbieħa u lill-parteċipanti kollha biex ikomplu bl-interess tagħhom fil-lingwi u jissuktaw jifirxu l-imħabba tagħhom għall-ilsna.”
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-kompetizzjoni Juvenes Translatores saret fit-22 ta’ Novembru u seħħet simultanjament fl-iskejjel parteċipanti kollha. L-istudenti li ħadu sehem użaw 154 mill-552 par lingwistiku possibbli bejn l-24 lingwi tal-UE. Uħud mill-għażliet l-aktar interessanti kienu t-traduzzjonijiet mill-Portugiż għall-Olandiż, u mill-Ungeriż għall-Finlandiż. It-traduzzjoni rebbieħa minn Malta kienet ukoll speċjali minħabba li kienet l-ewwel darba li rebħet traduzzjoni mill-Malti għall-Ingliż, minflok is-soltu traduzzjonijiet lejn il-Malti.
Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ilu jorganizza l-konkors Juvenes Translatores (bil-Latin għal “tradutturi żgħażagħ”) kull sena mill-2007 ’l hawn. Matul is-snin, il-kompetizzjoni saret esperjenza li tagħti xejra oħra lil ħajjet ħafna mill-parteċipanti u r-rebbieħa. Pereżempju, wara l-vjaġġ tagħha fi Brussell, ir-rebbieħa Slovena tal-edizzjoni tal-2010, Tina Zorko, iddeċidiet li tistudja t-traduzzjoni fl-università u reċentement issieħbet mad-dipartiment tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bħala traduttur full-time.
“Il-vjaġġ tiegħi għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fi Brussell hu memorja mill-aktar għal qalbi,” qalet is-Sa Tina Zorko. “It-tradutturi tal-Kummissjoni fuq ix-xogħol tawni idea tal-ħajja ta’ traduttriċi ta’ veru u qawwew il-ħolma tiegħi li xi darba nagħmel dan ix-xogħol.”
Rebbieħa Maltin oħra tal-kompetizzjonijiet preċedenti ukoll eventwalment sabu impjieg fil-lingwi mal-Istituzzjonijet Ewropej jew inkella komplew l-istudji tagħhom fit-traduzzjoni. Din is-sena, żewġ parteċipanti oħra minn Malta – Gabrielle Bezzina mis-Sixth Form ta’ De La Salle u Ryan Caruana mill-Junior College G.F. Abela – ingħataw tismija speċjali għall-kwalità tat-traduzzjonijiet tagħhom.
//= $special ?>