Internazzjonali

L-Awstralja: Jinħass aktar l-impatt tal-għargħar fi Queensland

Numru kbir ta’ djar fl-Istat ta’ Queensland kienu f’periklu li jġarrbu l-agħar effett tal-għargħar, fost l-evakwazzjoni ta’ mijiet ta’ residenti. Is-sitwazzjoni, intant, baqgħet ‘perikoluża’ wara li l-awtoritajiet fetħu diga li l-ġibjuni tagħha kienu faru b’kaġun tax-xita qawwija li damet għal jiem konsekuttivi.

Is-servizzi għall-emerġenzi fl-aħħar sigħat kienu qed iwieġbu għall-eluf ta’ kuntatti mingħand in-nies madwar il-belt ta’ Townsville, biċ-ċentri għall-persuni evakwati jimtlew bil-familji.
Sitwazzjoni tassew allarmanti kienet il-preżenza ta’ kukkudrilli fit-toroq mgħarrqin wara li dawn inġarru mill-għargħar lejn l-inħawi urbani.

Fil-fatt, il-Prim Ministru ta’ Queensland, Annastacia Palaszczuk, qalet li ‘dak li qed iseħħ fl-Istat tagħha ma għandu l-ebda preċedent fl-istorja moderna’, anki jekk dan l-Istat intlaqat kemm-il darba minn ċikluni u inċidenzi ta’ għargħar qawwi.

Maħsub li hemm eluf ta’ djar affettwati mill-għargħar wara li niżlet 1.16-il metru xita ( rekord) fuq Townsville u l-madwar, fl-aħħar sebat ijiem.

U ladarba nfetħet id-diga fix-Xmara Ross (f’sitwazzjoni ta’ emerġenza) madwar 1,900 metri kubi ta’ ilma ħarġu lejn l-inħawi diġà mgħarrqin ta’ Townsville, fejn eluf ta’ djar jinsabu mingħajr dawl.

Filwaqt li xi uffiċjali qegħdin ikunu kritikati talli ma imponewx ‘evakwazzjoni sfurzata’ fiċ-ċirkustanzi, l-istess uffiċjali qalu li huma provdew biżżejjed twissijiet lir-residenti li, skont huma, ‘għandhom jassumu element ta’ responsabbiltà għas-sigurtà personali tagħhom.’