Internazzjonali

AĠĠORNATA: Malti maqtul mit-terroristi; sparawlu f’suq tal-ħut

Formosa kien ilu mis-Sajf tal-2017 imexxi l-port ta' Bosasso

Aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali ikkonfermaw l-assassinju fis-Somalja tal-imprenditur Malti Paul Anthony Formosa. Hu kien jinsab fl-istat ta’ Puntland, li hi zona tal-pajjiż semi-awtonoma u meqjusa “sigura”.

Rapporti mill-istess sorsi qed jatribwixxu dan id-delitt għall-militanti tal-Al-Shabab.

Jidher li kien raġel armat (deskritt bħala żagħżugħ) illi spara u qatel lil Formosa, li kien qed imexxi proġett f’Bosasso għal DP World, wara li f’Awwissu 2017 kien ħa l-kariga ta’ manager ta’ dan il-port.

Fil-fatt, sentejn ilu DP World kienu rebħu konċessjoni biex jieħdu f’idejhom il-port ta’ Bosasso għal 30 sena. Dan kien wassal għal diversi protesti min-nies tal-lokal.

Paul Anthony Formosa kien il-kap tal-intraprizi li tmexxi l-kumpanija tat-tbaħħir P&O fis-Somalja.

Il-Malti kellu miegħu uffiċjali tas-sigurta’ fil-ħin tal-isparatura. Nies li raw l-assassinju iseħħ quddiem għajnejhom qed jgħidu li eżatt malli Formosa inqatel, in-nies ta’ miegħu sparaw u qatlu lill-aggressur.

Aktar tard, il-Malta Freeport fi stqarrija qal li dan hu jum ta’ niket għal dawk kollha li ħadmu miegħu, u ddeskrivew lil Formosa bhala persuna ferrihija u dedikata f’xogħlha.

Dan l-assassinju mhuwiex l-ewwel wiehed ta’ haddiem Malti li inqatel barra minn xtutna. Minn riċerka li ghamilna, jekk imorru lura ghall-1965… f’dik is-sena kien inqatel zaghzugh Malti li kien mar jahdem fil-Bahamas. Aktar riċenti, fl-1987 kienet inqatlet soru Maltija fil-Pakistan f’kaz ta’ sparatura li ghadu mhux solvut.

Dan id-delitt ta’ Formosa iżda, possibilment li hu l-ewwel wieħed ta’ Malti li safa vittma ta’ militanti terroristici f’pajjiz barrani.