Internazzjonali

Pajjiżi tal-UE jirrikonoxxu lil Gauido bħala President tal-Veneżwela

Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, Spanja u Stati oħrajn tal-Ewropa, fl-aħħar sigħat, irrikonoxxew uffiċjalment lil Juan Guaido bħala President proviżorju tal-Veneżwela.

Dan wara li l-President Veneżolan Nicolas Maduro għażel li jisfida lill-Unjoni Ewropea wara li din iffissat il-lejla tal-Ħadd bħala deadline biex hu isejjaħ elezzjonijiet ġodda fil-Veneżwela li qed tegħreq fi kriżi politika.

L-iżvilupp kien mistenni wara li skada l-ultimatum tal-Istati Ewropej bħal Franza, ir-Renju Unit u l-Ġermanja biex Maduro jsejjaħ l-elezzjonijiet Presidenzjali bil-għan li tonqos it-tensjoni f’pajjiżu. L-istess Ewropej għamluha ċara li kellhom jirrikonoxxu lil Guaido bħala President temporanju f’nuqqas ta’ impenn min-naħa ta’ Maduro.

Juan Guaido, li fl-aħħar xhur mexxa lill-Oppożizzjoni f’Caracas, iddikjara lil nnifsu ‘mexxej proviżorju ta’ pajjiżu’ proprju x-xahar li għadda, bl-Istati Uniti tiddikjara l-appoġġ tagħha, fost il-pressjoni għal Maduro. Sadanittant, ir-Russja – sostenitur ta’ Maduro – akkużat lill-Istati tal-UE dwar indħil fl-affarijiet tal-Veneżwela, b’Nicolas Maduro, issa, jiddikjara li ‘ma jistax jeskludi l-possibbiltà ta’ gwerra ċivili’.

Maduro, waqt intervista, qal li l-President Amerikan Donald Trump ikun responsabbli ‘għal tixrid tad-demm’ f’każ li l-Istati Uniti tintervjeni bil-mezzi militari fil-kriżi tal-Veneżwela. Il-kriżi kompliet tikber fost dubji dwar kemm l-elezzjoni mill-ġdid (is-sena l-oħra) ta’ Maduro bħala President, kienet, fil-fatt, leġittima.

Min-naħa tiegħu, Juan Guaido qal li, bħala Kap tal-Assemblea Nazzjonali tal-Veneżwela, il-Kostituzzjoni tippermettilu li jassumi l-poter għal żmien temporanju ladarba l-President ta’ pajjiżu jitqies bħala illeġittimu.Guaido qed jaħseb biex jibni koalizzjoni internazzjonali bil-għan li l-għajnuna umanitarja tasal lill-poplu Veneżolan.

L-aħħar rapporti qalu li f’każ li l-kriżi fil-Veneżwela tkompli, ir-Renju Unit qed jikkunsidra ‘passi oħrajn’, fosthom l-użu ta’ sanzjonijiet, iżda ma ngħatawx dettalji.

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qal li l-Veneżolani għandhom id-dritt li ‘jesprimu lilhom infushom b’mod ħieles u demokratiku’ waqt li l-Kanċillier tal-Ġermanja. Angela Merkel, qalet, waqt żjara fil-Ġappun, li ‘il-pajjiżi tal-UE qed jistennew li Guaido jwitti t-triq għal proċess ta’ elezzjoni bikri.