Dak li kien Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal li Skejjel ta’ Għada, Philip Rizzo, kien iddejjaq bl-atteġġament ta’ Edward Caruana, eks-canvasser tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u eks uffiċjal fil-Ministeru. Fil-fatt kien minħabba fih li Rizzo telaq qabel ma ħa sick leave fit-tul. Minn dak li ħareġ mix-xhieda tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, Rizzo kien ilu jwissih fuq Caruana, tant li l-istess Ministru kien qallu biex jitfagħha fuq il-Prim Ministru, jekk għandu xi provi dwar Caruana. Sadanittant il-Prosekuzzjoni ddikjarat li ma baqala’ l-ebda provi dwar il-każ, u kienet qed tagħlaq il-każ tagħha.
L-Eks-uffiċjal fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) għaddej proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati li talab flus lil kuntratturi biex seta jħaffiflu l-proċess li bih kellu jitħallas tax-xogħol li għamel fi skola. Edward Caruana, ta’ 58 sena, jiġi ħu Joseph Caruana li wkoll kien is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Mix-xhieda ħareġ li l-eks-Kap Eżekuttiv tal-FTS Philip Rizzo li qajjem il-każ meta allega li kien hemm korruzzjoni kien xeba’ b’dan l-atteġġament, u li hu u Caruana ma tantx kellhom relazzjoni b’saħħħitha minħabba dak kollu li kien qed jiġri. Is-Sur Rizzo kien xehed fil-Qorti meta beda l-każ li fost oħrajn kellu rapport li Caruana talab kummissjoni ta’ 3% mill-kuntrattur li kien qed jaħdem fuq proġett tal-Fondazzjoni kif ukoll ried container ta’ 40 pied mimli bil-madum għal blokk li kien qed jibni fir-Rabat.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, semgħet lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo jgħid fil-Qorti dwar kif Philip Rizzo, kien ħareġ bis-sick leave fit-tul wara nuqqas ta’ qbil fuq il-ħinijiet tat-tindif tal-uffiċċju. Il-Ministru Bartolo kien qed jixhed fil-każ li għaddej fil-Qorti fil-konfront tal-eks-canvasser tiegħu u uffiċjal għoli fil-Ministeru, Edward Caruana li qed jiġi akkużat li xxaħħam fil-kapaċita’ tiegħu bħala uffiċjal pubbliku, u li abbuża mill-awtorita’ li kellu fejn anke allegatament iffalsifika dokumenti u li wettaq frodi.
L-akkużi jmorru lura għas-sajf tal-2016, meta Caruana, allegatament kien jitlob flus mingħand kuntratturi u dan biex il-ħlasijiet dovuti lilhom isiru malajr kemm jista’ jkun. Dawn il-kuntratturi kienu dovuti lilhom ħlasijiet għal xogħolijiet li sar mingħand l-istess Fondazzjoni għal li Skejjel ta’ Għada. Il-Ministru Bartolo qal li fi żmien Philip Rizzo, li kien Kap Eżekuttiv, Caruana kien ilmenta kif kienu jsiru ċerta affarijiet, u li hu kien jgħidlu “ikolli ngħid li niżgura li nimxu mal-proċeduri, u li m’aħniex il-fuq mil-liġi,” qal il-Ministru.
Rizzo kien ikun suspettuż ħafna fuq Caruana, “Jien kont ngħid, kun ġust, u hu kien jgħid biss,”li nemmen li xi ħaġa qed isseħħ”. Kien jgħid li Caruana ikun irid iħallas lill-kuntratturi Għawdxin direttament. Allega li l-irċevuti kienu mbagħbsin. Meta mistoqsi dwar dan, il-Ministru qal li kien waqqaf il-ħlasijiet fuq l-irċevuti li kienu suspettużi. “Meta Rizzo allega li kien hemm firem falsifikati, jien weġibt li rridu ninvestigaw u ngħaddu l-informazzjoni lill-Pulizija,” kompla jgħid il-Ministru.
Bartolo qal ukoll li huwa ġie muri ħafna korrispondenza u talab biex ikun ikkonfemrat il-verita’ ta’ dan kollu, u jiftakar ukoll li Rizzo ried li jaqbad u jħallas l-irċevuti li kellu disponibbli, iżda hu qallu li l-aħjar li l-ewwel nimxu mal-proċeduri. Kien qara email fejn kien ta direzzjoni lill-Fondazzjoni biex ma jużawx aktar lil Caruana, iżda wkoll biex il-proċess jibqa’ għaddej. “Jien ma nistax ikolli rwol ta’ Prosekutur, Imħallef u Ġurat. Ma riedx nqbeż f’konlużjonjijiet fuq bażi ta’ preġudizzju”, qal il-Ministru.
Waqt il-kontro-eżami tal-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher għal Caruna, il-Ministru ġie mistoqsi fuq taħt liema ċirkostanza Philip Rizzo telaq mill-Fondazzjoni. Il-Ministru Bartolo qal li fit-23 ta’ Ottubru, 2016 huwa kien rċieva messaġġ mingħand Rizzo, fejn ilmenta li ċ-Chairman kien qed “jeċċedi il-fruntieri kollha” u dan għax kien bidel il-ħinijiet tal-uffiċċju għal dak li jirrigwardja tindif. Huwa kien insista mal-Ministru biex ineħħi ċ-Chairman, inkella ma kienx se jmur aktar għax-xogħol.
Il-Ministru wieġbu li għandu jgħid lill-Prim Ministru hu stess, u kien ħareġ bis-“sick-leave” fit-tul. Wara li temm jixhed il-Ministru tal-Edukazzjoni, il-Prosekuzzjoni ddikjarat li ma baqalhiex aktar xhieda u kienet qed tagħlaq il-każ tagħha. Il-każ se jkompli f’Marzu. L-Ispettur Rennie Stivala qed imexxi l-Prosekuzzjoni. Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Stefano Filletii.
//= $special ?>


