Formula 1 Sport

Red Bull u Mercedes se jniedu l-karozza fl-istess ġurnata

Red Bull se jagħtu l-ewwel dehra tal-karozza l-ġdida RB15 b’magna Honda l-ġimgħa d-dieħla, fl-istess ġurnata li ċ-champions tad-dinja l-Mercedes se jniedu l-karozza tagħhom. L-eks champions Red Bull li s-sena l-oħra spiċċaw it-tielet fil-klassifika wara Mercedes u Ferrari, qelbu minn magni Renault għal Honda fl-istaġun tal-Formula 1 li jibda fl-Awstralja fis-17 ta’ Marzu.

Huma għandhom ukoll bidla fis-sewwieqa hekk kif l-Awstraljan Daniel Ricciardo ngħaqad ma’ Renault, biż-żagħżugħ Franċiż Pierre Gasly jeħodlu postu u se jkun fit-tim mal-Olandiż Max Verstappen.

Verstappen li għandu 21 sena, rebaħ żewġ tlielaq is-sena l-oħra u jittama li Honda jipprovdulu magna b’saħħitha u affidabbli wara li r-ritorn tagħhom fil-Formula 1 ma’ McLaren intemm fi tmiem l-2017. Is-sena l-oħra, Honda kienu qed jissupplixxu l-magni tat-tieni tim ta’ Red Bull, Toro Rosso.

Racing Point, it-tim magħruf fil-passat bħala Force India, issa jinsabu taħt it-tmexxija tal-biljunarju li jiġi missier is-sewwieq Lance Stroll. Huma se jippreżentaw it-tim il-ġdid f’Toronto fit-13 ta’ Frar.

It-tim Amerikan Haas se jkun l-ewwel tim li jniedi l-karozzi tiegħu f’Londra l-Ħamis, qabel Toro Rosso fil-11 ta’ Frar. Renault se jħabbru l-karozzi l-għada fil-fabbrika ta’ Enstone, b’McLaren iħabbru l-karozzi f’Woking fl-14 ta’ Frar u Ferrari se jiżvelaw il-karozzi online fil-15 ta’ Frar.

It-testijiet tal-istaġun il-ġdid jibdew fiċ-ċirkwit ta’ Katalunja fit-18 ta’ Frar.