Lokali

Solidarjeta’ mal-familja ta’ Paul Anthony Formosa – PN

Paul Anthony Formosa (Xellug)

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-familja ta’ Paul Anthony Formosa, l-Malti li nqatel fis-Somalja.

Kull ċittadin ta’ pajjiżna ħaqqu kull protezzjoni hu fejn hu fid-dinja. Paul Anthony Formosa kien ilu jaħdem u jservi f’din il-parti tal-Kontinent Afrikan, magħrufa bħala Puntland, li ilha snin magħrufa bħala l-iktar stabbli fir-reġjun u l-pajjiż.

Proprju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jappella lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex minnufih jieħdu ħsieb u jassiguraw li jsiru l-investigazzjonijiet kollha neċessarji. Dan il-qtil barbaru għandu jingħata l-ogħla prijorità.

Jeħtieġ li l-qattiela jiġu identifikati u jittieħdu l-passi legali kollha. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għandu jipproċedi minnufih sabiex jagħmel kuntatt ma’ ċittadini Maltin oħra sabiex jiġu protetti.

L-istqarrija ħarġet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carm Mifsud Bonnici u Roselyn Borg Knight, Segretarja Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista.