Sport Sport Ieħor

William Chetcuti jirbaħ is-selezzjoni tat-trap organizzata mill-MSSF

William Chetcuti rebaħ it-tieni selezzjoni tat-trap organizzata mill-Federazzjoni Maltija tal-Isparar li kienet organizzata fil-Bidnija. Dan l-avveniment kien fuq 125 plattina tat-trap, 75 plattina is-Sibt wara nofsinhar u 50 plattina oħra l-Ħadd filgħodu. L-ewwel sitt tiraturi kkwalifikaw għall-istadji finali biex jiġu ddeterminati il-pożizzjonijiet tal-podju.

Il-viżibbiltà ċara u t-temp tajjeb kienu fatturi pożittivi għat-tiratur li kisbu riżultati pożittivi. Stephen Vella għamel straight minn 25 plattina u seba’ riżultati b’24 plattina minn 25 li nkisbu minn seba’ tiraturi oħra.

Ir-riżultati wara l-istadji finali raw il Mario Buhagiar jispiċċa fis-sitt post wara li fl-ewwel rawnd laqat 18-il plattina, b’Chris Vella u Brian Galea jkunu eliminati warajh. Stephen Vella spiċċa fuq il-podju bit-tielet post, bil-finali tkun kontestata minn William Chetcuti u Eugenio Borg, b’tal-ewwel jolqot 41 plattina, tnejn aktar minn Borg.

Tags