Fil-jiem li għaddew fis-Central Hall tal-Ħabs ta’ Kordin seħħet ġlieda serja bejn żewġ Gwardjani tal-Ħabs. Waqt l-argument ta’ bejniethom ingħadu għadd ta’ akkużi serji.
It-Tmexxija tal-Ħabs – li tippretendi li hi waħda serja ħafna – mhux magħruf x’passi ħadet dwar din il-ġlieda li seħħet quddiem il-priġunieri kollha ta’ Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4.
Mhux magħruf xi skatta dan l-argument bejn dawn iż-żewġ Gwardjani tal-Ħabs, iżda li hu magħruf hu li f’mument minnhom wieħed mill-Gwardjani akkużi lill-ieħor li parti mit-tort għaliex il-Ħabs ta’ Kordin jinsab fiex jinsab – jiġifieri f’sitwazzjoni daqstant imwiegħra – hi kaġun tiegħu.
Priġunieri li jżommu kuntatt magħna b’mod regolari spiss jitkellmu magħna dwar kif is-sitwazzjoni fil-Ħabs qed tkun karatterizzata minn ħafna tensjoni mhux biss bejn il-Gwardjani u l-priġunieri, imma saħansitra bejn il-Gwardjani nfushom.
Qalulna li filwaqt li hemm Gwardjani li huma lagħaqa lejn it-Tmexxija l-ġdida tal-Ħabs, hemm oħrajn li huma serji u ma jaqblux mal-mod kif qed jitmexxa l-Ħabs fejn fil-mira hemm il-priġunieri li litteralment qed isir bullying fuqhom.
Qalulna wkoll li hemm Gwardjani serji u professjonali li jistqarru magħhom il-priġunieri li huma jkollhom jobdu l-ordnijiet ta’ fuq għaliex inkella jaqilgħuha huma. Jgħidulhom lill-priġunieri li huma ma jaqblux ma’ ħafna mill-miżuri inumani u drastiċi li t-Tmexxija tal-Ħabs daħħlet fis-seħħ.
Sadattant priġunieri li tkellmu ma’ il-mument f’nofs din il-ġimgħa staqsew x’sar minnu dak il-Pulizija stazzjonat fil-Ħabs li jidher li kien involut dwar misapproprjazzjoni ta’ flus. “Ma smajna xejn aktar dwaru.”
Qalulna wkoll li huma jikkonfermaw ukoll li s-sitwazzjoni tad-droga fil-Ħabs ħarbet minn kull kontroll u kuntrarjament għal dak li qal priġunier fuq l-istazzjon tal-Istat, li qagħad jilgħaq lit-Tmexxija tal-Ħabs, qatt daqs illum ma kien hemm preżenza qawwija ta’ droga.
“Hawnhekk hawn sitwazzjoni fejn Gwardjan iwassal id-droga mingħand priġunier għall-ieħor. Jgħidu x’jgħidu dawk fit-Tmexxija tal-Ħabs, ir-rapporti li qed tippubblikaw qed jinżlulhom velenu iżda l-verità hi li hawn min jagħmel reat apposta biex jiddaħħal il-Ħabs apposta meta din tkun nieqsa mis-suq barra, għaliex id-droga jsibha b’aktar faċilità fil-Ħabs ta’ Kordin u l-prezz tagħha probabbilment ikun orħos minn dik mibjugħa normalment fis-suq,” qalilna l-istess priġunier.
//= $special ?>