Is-sena 2019 timmarka għeluq il-100 sena mit-twaqqif tal-ewwel Kumitat Festi Esterni
f’Malta li qatt ġie iffurmat uffiċjlament u li witta t-triq għal rivoluzzjoni fil-mod kif isiru l-
festi f’pajjiżna.
Il-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi se jiċċelebra dan iċ-ċentinarju
importanti b’serje ta’ avvenimenti.
Il-bidu tal-festeġġjamenti seħħ fid-29 ta’ Ġunju 2018, fid-data meta propjament twaqqaf
dan il-kumitat fil-Belt Pinto. Fl-1 ta’ Lulju saret quddiesa konċelebrata mill-Presidenti
Emeriti tal-Kumitat Festi Esterni, li kienu ukoll Arċiprieti tal-istess Parroċċa. Din il-
quddies saret fil-Katidral tal-Imdina.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, il-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri se jorganizza
wirja unika li tiftaħ fit-8 ta’ Frar li ġej. Din il-wirja se tippreżenta numru ta’ statwi li huma
xogħol l-artist Qormi u wieħed mill-ewwel membri tal-Kumitat, Carmelo Mallia magħruf
bħala 'il-Lhudi'.
Il-ftuħ se jsir fiċ-Ċentru tal-Armar San Ġorġ Martri fi Triq il-Blata f’Ħal Qormi fis-6:30pm,
bil-wirja tibqa’ miftuħa sas-17 ta’ Frar. Fiha se jieħdu sehem diversi għaqdiet tal-armar
minn madwar Malta.
L-attivitajiet taċ-ċentinarju mhux se jieqfu hawn. Fit-23 t’April – fil-jum tal-festa ta’ San
Ġorġ – il-Kumitat Festi Esterni se jiftaħ uffiċjalment il-maħżen il-ġdid tal-armar fi Triq
San Pietru. Dakinhar se ssir attivita quddiem il-maħżen fejn fiha se jintwera feature
b’diversi intervisti lil membri u ex-membri li iffurmat parti mill-Kumitat magħtul is-snin.
Se jiġu ppublikati ktieb dwar l-ewwel 100 sena tal-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri,
bl-isem ‘Nagħmlu Festa’ miktub minn Joseph A. Bugeja, kif ukoll sett bolol biex ifakkru
dan l-anniversarju importanti. Dettalji jingħataw iżjed il-quddiem.
Fil-21 ta’ Ġunju se jsir kunċert mużikali ta’ livell għoli ġol-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ
Martri biex jimmarka l-100 sena tal-Kumitat. L-Orkestra se tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro.
Mario Testa.
Mill-1919 sal-lum il-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri żviluppa f’entita’ li tista’ titqies
bħala pijuniera u ewlenija fl-iżvilupp ta’ dak kollu li jagħmel il-festa Maltija – mill-element
pirotekniku fis-snin 30, għall-iżvilupp fl-irħamar u l-injam, għal statwi rikki maħduma mill-
iprem artisti Maltini, kif ukoll drapp b’disinji u xogħol esklussivament minn idejn Qriema.
Dan biex ma nsemmux l-involviment tal-Kumitat Festi Esterni f’attivitajiet nazzjonali li
ħoloq hu stess bħall-Qormi Wine Festival, il-Malta Springfest, il-Guinness World Record
għall-Akbar Tazza tal-Inbid (2012), u l-ħolqien tar-radju Leħen il-Belt Ġorġjana.
Fuq kollox, dan il-Kumitat kien hu li ta bidu għall-ħolqien ta’ numru kbir ta’ “kumitati tal-
festa” jew “kumitati tal-armar” f’diversi bliet u rħula, meta sal-bidu tas-Seklu 20 kienet
tkun il-parroċċa jew xi fratellanza li torganizza b’mod esklussiv il-festa tal-qaddis jew
patruna.