Internazzjonali

AĠĠORNATA: Mejtin u midruba fost ‘infern’ ġo blokk ta’ appartamenti f’Pariġi

Ritratt: Sky News

Talanqas għaxar persuni, inkluża tarbija, tilfu ħajjithom fost nirien li kmieni dalgħodu ħakmu blokk ta’ appartamenti f’Pariġi, il-kapitali ta’ Franza.

Indarbu għexieren ta’ nies, inklużi membri tal-iskwadri għall-emerġenzi, fil-mumenti meta n-nirien bdew jidhru inkontrollabbli — bl-iskwadri jużaw is-slielem biex jevakwaw numru kbir ta’ residenti mill-bini li jinsab fis-16-il arrondissement tal-kapitali Franċiża.

Intant, il-pulizija qed iżżomm mara taħt arrest, bil-Prosekutur ta’ Pariġi ma jeskludix li n-nirien ‘tqabbdu bi ħsieb’. Fil-fatt, infetħet investigazzjoni bil-possibbiltà li jitressqu akkużi kriminali, bl-istampa Franċiża tallega li l-mara qed tkun suspettata li ppruvat tqabbad karozza pparkjata qrib il-bini minħabba tilwima li hi kellha ma’ waħda mill-ġirien.

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, tkellem b’niket dwar ‘it-traġedja nazzjonali’ waqt li faħħar lill-membri tal-iskwadri għall-emerġenza għall-qlubija tagħhom.

It-triq residenzjali – Rue Erlanger – fejn jinsab il-bini hi viċin is-stadium ta’ Parc de Princes, bir-rapporti jgħidu li n-nirien kienu qabdu fit-tieni sular u nfirxu malajr, bil-konsegwenza li xi residenti ddisprati kellhom jaqbżu għall-fuq il-bjut ta’ bini viċin biex jevitaw il-fjammi u d-dħaħen.

Talanqas 250 firefighter intbagħtu fis-sit u li taw l-għajnuna lin-nies li spiċċaw iżolati fuq il-bjut ‘fost xeni li jfakkruk fl-apokalissi’. Dan meta ħafna nies kienu qegħdin jgħajjtu għall-għajnuna mit-twieqi tal-appartamenti.

In-nirien kienu kontrollati wara ħidma intensiva li damet għal ħames sigħat, iżda l-awtoritajiet Franċiżi wissew li ċ-ċifra tal-vittmi kapaċi tiżdied fis-sigħat li ġejjin.

Tags