Lokali

Adrian Delia jiltaqa’ mal-President tat-Tuneżija Beji Caid Essebsi.

Malta u Tuneżija jgawdu minn relazzjoni tajba ħafna bejniethom u ż-żewġ naħat għandhom jaħdmu sabiex din tkompli tissaħħaħ. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia waqt laqgħa mal-President tat-Tuneżija Beji Caid Essebsi.

Adrian Delia qal li t-Tuneżija u Malta għandhom sfidi komuni fil-Mediterran u li t-tnejn jistgħu jgħinu lil xulxin sabiex jinstabu soluzzjonijiet tajbin għaċ-ċittadini. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa interessat li jkompli jiskopri modi ġodda ta’ kollaborazzjoni li jkunu ta’ ġid għaż-żewġ pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li huwa mħasseb fuq is-sitwazzjoni politika delikata fit-Tuneżija, u fl-Afrika ta’ Fuq, speċjalment fil-Libja iżda esprima l-fiduċja tiegħu li l-affarijiet se jinbidlu għall-aħjar,

Min-naħa tiegħu l-President Tuneżin rringrazzja lill-Adrian Delia u qal li t-Tuneżija dejjem kellha relazzjoni tajba ħafna mal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici.