Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet li fadal iż-żmien biex tinstab soluzzjoni għall-istaġanar li, fil-preżent, qed ixekkel il-proċess ta’ Brexit – jew aħjar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Merkel, li kienet qed titkellem waqt żjara fil-Ġappun, sostniet li ‘iż-żmien għadu hemm mill-aspett politiku’ iżda hi, fl-istess ħin, enfasizzat li l-Britanniċi jridu jagħmlu ċar dak li huma qegħdin jistennew mir-relazzjoni futura mal-UE.
Il-ftehim dwar Brexit li ntlaħaq ġimgħat ilu bejn l-UE u l-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May ma kienx aċċettat mill-House of Commons ( Parlament) ta’ Londra.
Intant, Theresa May, nhar il-Ħamis, sejra fi Brussell biex tinforma lill-Mexxejja tal-UE li jridu jaċċettaw bidliet legali għall-parti tal-ftehim ta’ Brexit li tirrigwarda l-arranġamenti għall-fruntiera Irlandiża. L-alternattiva, skont ma indikat May, hi li l-UE tiffaċċja l-prospett li r-Renju Unit joħroġ mingħajr ftehim (f’xenarju ta’ no-deal Brexit)’.
Filwaqt li mistennija aktar taħditiet bejn May u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, il-kelliema għall-UE, Margaritis Schinas, sostna li ‘l-pożizzjoni tal-Unjoni hi ċara’ u li ‘(huma) qed jistennew mill-ġdid biex jisimgħu dak li għandha tgħidilhom Theresa May’.
//= $special ?>

