Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi ħames emendi għal Avviż Legali li l-Gvern ressaq f’dak li għandu x’jaqsam mal-qbiela tal-art li tintuża għall-agrikulturà.
Minkejja li l-Partit Laburista kien wiegħed li se jiffaċilita t-trasferiment tal-art li tintuża għall-biedja, l-Avviż Legali li ppreżenta l-Gvern minflok jagħmilha iktar diffiċli għall-bdiewa.
Għall-kuntrarju, l-Oppożizzjoni qed tipproponi sensiela ta’ emendi li għandhom l-iskop li titnaqqas il-burokrazija, ikun faċilitat it-trasferiment tal-qbiela kif ukoll jissaħħaħ dan is-settur billi jitneħħew l-ostakli li jsibu l-bdiewa ġenwini.
L-emendi proposti huma kif ġej:
1. Titneħħa r-restrizzjoni li daħħar il-Gvern art, li magħha hemm bini, ma tistax tiġi trasferit;
2. Jiżdiedu l-aħwa tal-kerrej u n-neputijiet tal-kerrej fil-lista ta’ persuni li favur tagħhom tista’ tiġi trasferita jew tintiret il-qbiela;
3. Jitneħħa l-obbligu li bidwi bona fede jkun reġistrat bħala full-time jew part-time biex raba’ tkun tista’ tiġi trasferita f’ismu jekk ma jkunx qarib tal-kerrej. Se jibqa’ l-obbligu li bidwi jkun reġistrat mad-Direttur tal-Agrikoltura;
4. Persuni li temmew studji fl-agrikoltura fl-aħħar 10 snin (minflok 5 snin) ikunu jistgħu jingħataw raba’ b’rata preferenzjali ta’ kera għal 10 snin (minflok 5 snin);
5. Kull applikant jingħata d-dritt ta’ appell minn deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità taħt ir-Regolamenti.
Il-proposti tressqu mill-Oppożizzjoni waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli, Edwin Vassallo, Toni Bezzina u Ryan Callus. Fuq dawn il-proposti ħadem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina li ma kienx preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet minħabba impenji oħra.
Il-proposti favur il-biedja qed jitressqu ftit jiem biss wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-bdiewa u r-raħħala u wiegħed l-impenn tal-Oppożizzjoni favur dawn is-setturi.
//= $special ?>