It-Tmexxija tar-Russja mhix se titlef iż-żmien biex tiżviluppa żewġ sistemi tal-missili ġodda (operati mill-art) qabel l-2021. Dan b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tirtira mill-patt storiku għall-kontroll tal-armi nukleari li kien ilu effettiv mill-1987.
Il-President Russu, Vladimir Putin, qabel, żvela li pajjiżu kien qed jissospendi l-Intermediate-range Nuclear Forces Treaty (INF) li twaqqaf waqt l-era tal-Gwerra Bierda u li projbixxa lill-Istati Uniti, flimkien mal-eks Unjoni Sovjetika komunista, milli jistazzjonaw il-missili tal-art ( għal fuq id-distanzi qosra u medji) fl-Ewropa.
L-Istati Uniti u r-Russja, illum, qed jakkużaw lil xulxin rigward abbużi tat-trattat – bi Vladimir Putin jagħmilha ċara li r-Russja qed tieħu azzjoni ‘biss’ ladarba l-Istati Uniti ħabbret li qed toħroġ mill-patt. Putin qal ukoll li l-Amerikan qed jagħmluha ċara li jridu jibdew riċerka u iżvilupp ta’ sistemi tal-missili ġodda u li ‘ir-Russja għandha tagħmel l-istess’.
Il-Mexxej Russu spjega li l-militar Russu qed jaħseb dwar l-iżvilupp ta’ launch systems tal-art għall-missila ‘Kalibr’ ( li għalissa tista’ tkun sparata biss minn fuq il-baħar) kif ukoll għall-missili hypersonic li jivvjaġġaw b’ħames darbiet aktar mill-veloċità tal-ħoss.
Fil-fatt, il-Ministru Russu għad-Difiża, Sergei Shoigu,ħareġ direttivi biex jibda x-xogħol għall-iżvilupp tas-sistemi ġodda. Shoigu, alleat kbir ta’ Putin, qal li jrid li l-ħidma titlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla, bil-għan li s-sistemi ġodda jkunu konklużi sal-2021 ‘u wara li l-Istati Uniti xoljiet għall-obbligi tagħha taħt it-Trattat tal-INF’.
Ir-Russja qed tiċħad li abbużat il-patt tal-1987 waqt li qed takkuża lill-Istati Uniti b’li kisret il-kundizzjonijiet ‘fuq skuża falza’ meta Washington ‘dejjem kellu l-intenzjoni biex joħroġ mit-trattat bil-għan li jipproduċi l-missili ġodda.’
L-Istati Uniti tiċħad l-akkuża u Robert Wood, l-Ambaxxatur Amerikan għall-proċessi tad-diżarm, qal li pajjiżu għandu jikkunsidra mill-ġdid l-irtirar mit-trattat tal-INF “dment li r-Russja tikkoopera mill-ġdid mal-kriterji u b’mod li jista’ ikun ivverifikat’.
//= $special ?>

