Futbol Sport

Jacques Scerri jinħatar kowċ ta’ Balzan

Jacques Scerri se jkun qed jirritorna jmexxi klabb fil-Kampjonat Premier meta nħatar uffiċjalment kowċ ta’ Balzan. Hu se jkun qed jieħu post is-Serb Marco Micovic li rriżenja mill-kariga fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara t-telfa li Balzan kellhom kontra Senglea Athletic nhar il-Ġimgħa.

Scerri li għandu l-liċenzja UEFA Pro, stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-kowċis Maltin ewlenin fl-aħħar snin. Hu kien beda l-karriera tiegħu ta’ kowċ ma’ Pembroke u fl-istaġun 2013/2014 kien ma’ Melita. Fl-istaġun sussegwenti mexxa lil Pembroke Athleta għal promozzjoni storika wara li kien għen lill-istess tim biex ikun promoss mit-Tielet Diviżjoni għat-Tieni Diviżjoni sentejn qabel.

Fis-sajf tal-2015, Jacques Scerri nħatar kowċ ta’ Tarxien Rainbows, tim li dam miegħu sa Novembru tal-2016, b’Tarxien jispiċċaw fis-sitt post fl-ewwel staġun tiegħu.

Xahar wara li ħalla lil Tarxien, Scerri ngħaqad ma’ Ħamrun Spartans, klabb li dam fit-tmexxija tiegħu sa kważi tmiem l-istaġun li għadda. Matul dan l-istaġun, Scerri kien qed jassisti lil Brian Spiteri ma’ Pembroke Athleta bħala Direttur Tekniku.

Id-debutt ta’ Jacques Scerri ma’ Balzan se jkun is-Sibt li ġej fil-Hibernians Stadium fis-2.00pm kontra Mosta. Balzan bħalissa jinsabu fis-sitt post b’27 punt, tlieta anqas minn Ħamrun li jinsabu fir-raba’ post u għaxra taħt il-leaders Valletta u Hibernians.

Tags