Lokali

Jinżamm arrestat il-Malti akkużat bi traffikat ta’ 230 kg ħaxixa

Kien identifikat bħala Johann Falzon, il-Malti ta’ 32 sena li fil-lejl ta’ bejn it-30 u l-31 ta’ Jannar inqabad jipprova jittraffika 230 kilogramma marijuana lejn Malta.

Falzon illum tressaq quddiem il-Qorti ta’ Ragusa akkużat b’pussess u trasport ta’ droga għal skop ta’ traffikar. Fid-dawl tal-akkużi serji fil-konfront tiegħu, il-Qorti ordnat li jinżamm arrestat f’ħabs fl-Italja.

Il-Malti kien inqabad grazzi għall-ħidma ta’ diversi taqsimiet tal-Pulizija fl-Italja, inkluż is-sezzjoni tal-klieb, hekk kif Falzon kien se jivvjaġġa lejn Malta.

Id-droga kienet moħbija f’kompartament ta’ trailer li kien qed isuq, imgeżwra u moħbija qalb ikel iffriżat li kien se jinġieb lejn Malta.

L-awtoritajiet Taljani jemmnu li l-Malti għamel użu mill-isem u reputazzjoni tal-kumpanija Maltija li jaħdem magħha biex jipprova jevita l-kontrolli.